News - Stqarrijiet għall-Istampa 2015
22/05/2015
Ħruġ ta’ Munita Kommemorattiva taż-€2 − Mitt sena mill‑ewwel titjira minn Malta
Fil‑25 ta’ Mejju 2015, il‑Bank Ċentrali ta’ Malta ser joħroġ munita kommemorattiva taż‑€2 li tfakkar il‑mitt anniversarju mill‑ewwel titjira minn Malta.
Il‑faċċata ta’ wara tal‑munita turi n‑naħa komuni taż‑€2, filwaqt li l‑faċċata ta’ quddiem (in‑naħa nazzjonali) turi ajruplan tal‑baħar Short Type 135 waqt titjira fuq il‑Port il‑Kbir bil‑Ponta tal‑Isla fl‑isfond. Il‑faċċata ta’ quddiem tal‑munita ġiet iddisinjata minn Noel Galea Bason.
Fit‑13 ta’ Frar 1915, ajruplan tal‑baħar Short Type 135, abbord l‑HMS Ark Royal, telaq mill‑Port il‑Kbir għal titjira ta’ 35 minuta. L‑ajruplan tal‑baħar, bin‑numru tas‑serje 136, ittajjar mill‑Kaptan Cecil F Kilner u għamel l‑ewwel titjira rreġistrata minn Malta.
Il‑munita kommemorattiva ser toħroġ f’verżjoni għaċ‑ċirkolazzjoni fi stoċċijiet ta’ 25 munita kull wieħed, kif ukoll f’coin cards. Il‑muniti fil‑cards, li minnhom ser isiru biss 25,000, ser juru l‑marka taz‑zekka tar‑Royal Dutch Mint, fejn inħadmu l‑muniti.
Il‑Bank ser jikkuntattja ’l dawk kollha li diġà għamlu l‑ordni tagħhom biex jinfurmahom bl‑allokazzjoni tagħhom, kif ser iħallsu u l‑ġranet meta jkunu jistgħu jiġbru l‑muniti tagħhom mill‑Malta Coins Distribution Centre fil‑bini prinċipali tal‑Bank Ċentrali ta’ Malta. Għal aktar tagħrif, il‑pubbliku hu ġentilment mitlub jikkuntattja lill‑Malta Coins Distribution Centre billi jibgħat email jew iċempel fuq (+356) 2550 6006/6007.
Lura lejn l-Arkivju