News

News - Stqarrijiet għall-Istampa 2014

30/05/2014

Sett ġdid ta' muniti tal-euro datat 2014

Fit‑3 ta' Ġunju 2014, il‑Bank Ċentrali ta' Malta se joħroġ sett ġdid ta' muniti tal‑euro datat 2014. Is‑sett jinkludi t‑tmien muniti tal‑euro Maltin, kif ukoll munita taż‑€2 li tikkommemora l‑Kostituzzjoni tal‑Indipendenza tal‑1964 li kienet addottata f'Settembru ta' dik is‑sena meta Malta kisbet l‑indipendenza tagħha u saret stat sovran. Il‑munita taż‑€2 hija r‑raba' munita minn serje ta' ħames muniti li jikkomemoraw avvenimenti importanti fl‑istorja kostituzzjonali ta' Malta. Is‑sett jinkludi wkoll munita replika mill‑perjodu Għarbi. Il‑muniti kollha kienu maħduma fir‑Royal Dutch Mint. Il‑muniti tal‑euro ġew iddisinjati minn Noel Galea Bason, filwaqt li l‑munita kommemorattiva taż‑€2 kienet iddisinjata minn Ġanni Bonnici.

Is‑sett ta' muniti huwa ppreżentat f'kaxxa distintiva. L‑istampar tas‑sett hu limitat għal 25,000 sett. Dawn jistgħu jinxtraw mill‑Malta Coins Distribution Centre fil‑bini prinċipali tal‑Bank Ċentrali ta' Malta, jew billi timtela formola li tinstab fuq is‑sit tal‑Bank.

Għal iżjed informazzjoni, il‑pubbliku hu ġentilment mitlub li jikkuntattja lill‑Malta Coins Distribution Centre billi jibgħat email jew iċempel fuq (+356) 2550 6008.

Sett ta' muniti tal-euro datat 2014

Lura lejn l-Arkivju