News

News - Stqarrijiet għall-Istampa 2014

17/01/2014

Stħarriġ dwar il-Finanzi u l-Konsum tal-Familji

Għat‑tieni darba l‑Bank Ċentrali ta' Malta ser jagħmel stħarriġ fuq ix‑xejriet tal‑finanzi u l‑konsum tal‑familji (Stħarriġ dwar il‑Finanzi u l‑Konsum tal‑Familji) bejn Jannar u Mejju 2014, bħala parti minn proġett tal‑Eurosistema bil‑għan li tinġabar statistika dettaljata u armonizzata minn familji fil‑pajjiżi kollha taż‑żona tal‑euro. Bħala parti mill‑proġett, l‑informazzjoni miġbura minn kampjun ta' familji magħżula f'Malta se tipprovdi tagħrif importanti dwar il‑karatteristiċi finanzjarji tal‑familji Maltin, bħax‑xejriet tal‑konsum u tat‑tfaddil tagħhom.

Il‑Bank qabbad il‑kumpanija privata Economic and Management Consultancy Services Ltd (EMCS) sabiex twettaq dan l‑istħarriġ. Fi żmien qasir, rappreżentanti mill‑kumpanija se jikkuntattjaw numru ta' familji biex jistidnuhom jipparteċipaw f'dan l‑istħarriġ. Il‑Bank iħeġġeġ lill‑familji biex jipparteċipaw f'dan l‑istħarriġ. Kull informazzjoni li tingħata lill‑kumpanija tiġi meqjusa bħala kunfidenzjali u se tkun ipproċessata skont ir‑rekwiżiti tal‑Att Dwar il‑Protezzjoni u l‑Privatezza tad‑Data (Kap. 440).

Aktar informazzjoni tista' tinkiseb mis‑sit tal‑Bank Ċentrali ta' Malta www.centralbankmalta.org jew billi ċċempel fuq 2550 4305/9/2/3 mit‑Tnejn sal‑Ġimgħa bejn it‑08:00 u l‑16:00.

Lura lejn l-Arkivju