News

News - Stqarrijiet għall-Istampa 2013

29/04/2013

Ħruġ ta’ munita numiżmatika – Il-Picciolo

Fid-29 ta' April 2013 il-Bank Ċentrali ta' Malta ħareġ munita numiżmatika tad‑deheb li tirrappreżenta l‑picciolo. Il‑munita tad‑deheb għandha valur nominali ta' €5.

Il‑picciolo hi munita żgħira tar‑ram li nħadmet f'Malta matul il‑perjodu tal‑Ordni ta' San Ġwann. Il‑munita kellha dijametru ta' 14 mm u tiżen inqas minn gramma, u normalment kienet turi l‑istemma araldika tal‑Gran Mastru li jkun qed imexxi fuq naħa u s‑salib bi tmien ponot tal‑Ordni ta' San Ġwann fuq in‑naħa l‑oħra.

Il‑munita numiżmatika tad‑deheb kienet iddisinjata mir‑Royal Dutch Mint u maħduma fil‑verżjoni proof. Il‑faċċata tal‑munita turi l‑emblema ta' Malta u s‑sena tal‑ħruġ 2013. Il‑faċċata ta' wara turi rappreżentazzjoni ta' picciolo bl‑istemma araldika tal‑Gran Mastru Jean de Valette.

Il‑munita hi maħduma f'0.585 deheb fir‑Royal Dutch Mint, tiżen nofs gramma u għandha dijametru ta' 11 mm. L‑istampar tagħha hu limitat għal 10,000 munita.

Il-munita tista’ tinxtara mill-Malta Coins Distribution Centre fil-bini ewlieni tal-Bank Ċentrali ta’ Malta ġewwa l-Belt Valletta, jew billi timtela formola li tinstab fuq is-sit tal-Bank.

Għal iżjed informazzjoni, il-pubbliku hu ġentilment mitlub li jikkuntattja lill-Malta Coins Distribution Centre billi jibgħat email jew iċempel fuq (356) 2550 6006/7/8.

Picciolo munita tad-deheb

Lura lejn l-Arkivju