News

News - Stqarrijiet għall-Istampa 2013

13/03/2013

Ħruġ ta’ munita numiżmatika b’tifkira tal-Gran Mastru Pinto

Fl‑13 ta' Marzu 2013 il‑Bank Ċentrali ta' Malta ħareġ munita numiżmatika tal‑fidda sabiex jitfakkar il‑Gran Mastru tal‑Ordni ta' San Ġwann, Emmanuel Pinto. Il‑munita għandha valur nominali ta' €10 u hija t‑tieni prodott maħruġ mill‑Bank fil‑programm għall‑2013 dwar ħruġ ta' muniti.

Emmanuel Pinto kien elett Gran Mastru tal‑Ordni ta' San Ġwann f'Malta fl‑1741. Matul it‑32 sena tar‑renju tiegħu, hu kkommissjona għadd kbir ta' xogħlijiet pubbliċi, inklużi l‑imħażen fil‑Port il‑Kbir, id‑Dwana u tlestiet il‑Berġa ta' Kastilja.

Il‑munita li tfakkar lil dan il‑Gran Mastru kienet stampata fir‑Royal Belgian Mint. Il‑faċċata tal‑munita turi l‑emblema ta' Malta u s‑sena tal‑ħruġ 2013. Il‑faċċata ta' wara turi xbieha ta' bust tal‑Gran Mastru b'mappa tal‑gżejjer Maltin. L‑istemma araldika tiegħu b'kuruna rjali fuqha huma mogħtija prominenza.

Il-munita hi maħduma f’0.925 fidda, tiżen 20 gramma u b’dijametru ta’ 38.61 mm. Il-munita hi maħduma fil-verżjoni proof u l-istampar tagħha hu limitat għal 10,000 munita.

Il-munita tista’ tinxtara mill-Malta Coins Distribution Centre fil-bini ewlieni tal-Bank Ċentrali ta’ Malta ġewwa l-Belt Valletta, jew billi timtela formola li tinstab fuq is-sit tal-Bank.

Għal iżjed informazzjoni, il-pubbliku hu ġentilment mitlub li jikkuntattja lill-Malta Coins Distribution Centre billi jibgħat email jew iċempel fuq 356 2550 6006/7/8.

Gran Mastru Pinto munita tal-fidda

Lura lejn l-Arkivju