Regoli u Proċeduri
Regoli u proċeduri dwar l-użu tal-faċilitajiet tal-Librerija
- Individwi li mhumiex impjegati tal-Bank Ċentrali ta' Malta jistgħu jużaw il-faċilitajiet tal-Librerija kif ġej:
Permess għas-self jinħareġ lil:
(a) studenti rreġistrati li jgħixu f'Malta u qed jistudjaw għall-ewwel grad universitarju jew qed jagħmlu studji ta’ wara l-lawrja fl-ekonomija, l-attività bankarja, u l-finanzi f’università approvata jew f’istituzzjoni oħra ta’ edukazzjoni ogħla;
(b) persuni mpenjati fi studji jew riċerka relatati mal-ekonomija, l-attività bankarja, u l-finanzi.
- Applikazzjonijiet għal permess għas‑self għandhom isiru fuq il‑formola preskritta li tinkiseb mil‑Librerija. Persuni li jingħataw permess għandhom jiffirmaw dikjarazzjoni li tobbligahom josservaw ir‑Regoli tal‑Librerija.
- Membri tal-pubbliku ġenerali li ma jissodisfawx il-kriterji msemmija hawn fuq, jistgħu jikkonsultaw il-materjal tal-Librerija fuq il-post biss.
- Min jissellef għandu jirreġistra ismu u l-indirizz tiegħu fir-reġistru tal-Librerija, li jinżamm fuq sistema elettronika.
- Il-perjodu tas-self hu ta’ tliet ġimgħat, iżda l-uffiċjal tal-Librerija jista’ jistabbilixxi perjodu ta’ self iqsar jekk għall-materjal misluf ikun hemm domanda persistenti minn utenti oħra.
- Pubblikazzjonijiet ta’ referenza u rivisti ma jistgħux jinħarġu mill-bini tal-Librerija.
- Hu permess li jsiru fotokopji għal użu personali minn materjal ippubblikat, sakemm dan isir skont il‑liġi tad‑drittijiet tal‑awtur. Għal kull folja fotokopjata jiġi impost ħlas speċifiku.
- Fil-każ li xi pubblikazzjoni mislufa mil-Librerija tintilef jew issirilha ħsara, min jissellef ikun obbligat iħallas kumpens, li jiġi stabbilit mill-Bank Ċentrali ta’ Malta. Inkella, min jissellef jista’ jixtri kopja biex jissostitwixxi dik il-pubblikazzjoni u jagħtiha lil-Librerija.
- Dawk li jkunu responsabbli biex jagħmlu tali kumpens ma jitħallewx jużaw il-faċilitajiet tal-Librerija sakemm tissolva l-kwistjoni għas-sodisfazzjon tal-Bank Ċentrali ta’ Malta.