Flus foloz
Il‑Counterfeit Surveillance Unit
L‑għan tal‑Counterfeit Surveillance Unit hu li jżomm flus foloz milli jiċċirkolaw. Dan il‑Unit jeżamina u jżomm għandu flus foloz ta' kwalunkwe pajjiż maqbuda f'Malta jew ikkonfiskati mill‑pulizija.
Jista' jsir kuntatt mal‑Counterfeit Surveillance Unit permezz tat‑telefon fuq 2550 6012 jew 2550 6013, permezz tal‑email jew bil‑posta f'dan l‑indirizz:
Counterfeit Surveillance Unit
Currency Operations Office
Central Bank of Malta
Castille Place
Valletta VLT 1060
Kif nista' nagħraf il‑karti tal‑flus tal‑euro foloz?
Diversi karatteristiċi tas‑sigurtà ġew inkorporati fil‑karti tal‑flus tal‑euro. Dawn il‑karatteristiċi tas‑sigurtà jgħinu biex jintgħarfu l‑karti tal‑flus ġenwini.
Karatteristiċi tas‑sigurtà ‑ BĊE
X'għandi nagħmel jekk għandi suspett ta' flus foloz?
Bħala regola ġenerali avża lill‑pulizija immedjatament jekk tingħata flus foloz. Li tagħmel użu minn flus foloz hu illegali daqskemm li kieku tipproduċihom. Il‑flus foloz ma jistgħux jinbidlu ma' flus ġenwini!
L‑artiklu 50 (1) tal‑Att tal‑Bank Ċentrali ta' Malta jobbliga lil kwalunkwe persuna li għandha fil‑pussess tagħha karti tal‑flus jew muniti li huma foloz, jew li huma ssuspettati li huma foloz, sabiex tirtirahom miċ‑ċirkolazzjoni u tgħaddihom minnufih lill‑Bank.