Statistics

Liema entitajiet f’Malta jistgħu joħorġu punteġġ ta’ kreditu?

Il-punteġġ tal-kreditu huwa kejl tal-affidabbiltà finanzjara li joħroġ minn informazzjoni dwar il-kreditu. F'Malta, punteġġi ta' kreditu bħal dawn jinħarġu minn Aġenziji ta' Referenza tal-Kreditu (CRA) liċenzjati. Dawn l-istituzzjonijiet liċenzjati biss jistgħu jagħmlu użu mir-Reġistru Ċentrali tal-Kreditu (CCR) tal-Bank Ċentrali ta' Malta. Is-CRAs joħorġu punteġġ tal-kreditu mmirat biex jgħin lill-kredituri jivvalutaw l-affidabbiltà finanzjarja tal-kontropartijiet eżistenti u prospettivi tagħhom. Minbarra d-data tas-CCR, il-punteġġ ta' kreditu jagħmel użu wkoll minn data rilevanti oħra, kif ukoll minn diversi sorsi finanzjarji u amministrattivi. Madankollu, minħabba li d-data tiegħu tinkiseb direttament mill-banek, l-użu tas-CCR tal-Bank Ċentrali ta' Malta jkompli jżid ir-robustezza u għalhekk aktar serħan il-moħħ għall-kredituri li jitolbu dawn l-evalwazzjonijiet.

Huma biss is-CRAs liċenzjati mill-Unità tal-Liċenzja tal-Kummerċ tad-Dipartiment tal-Kummerċ f'termini tar-Regolament 47A tar-Regolamenti dwar il-Liċenzji tal-Kummerċ li jistgħu joħorġu l-punteġġi ta' kreditu. L-istess obbligi ta' liċenzjar japplikaw għal entitajiet li jużaw termini simili għal 'punteġġ ta' kreditu' li jixxiebhu mal-mudell kummerċjali ta' CRA.

Għalkemm hemm entitajiet li jipprovdu servizzi simili ta' evalwazzjoni tal-kreditu, dawn l-entitajiet mhumiex CRAs liċenzjati. Għalhekk, il-klijenti huma mħeġġa jikkonsultaw il-lista ta' CRAs liċenzjati qabel ma jiddeċiedu dwar liema servizzi għandhom jużaw. Għal aktar informazzjoni żur il-paġni tar-Reġistru Ċentrali tal-Kreditu u tal-Aġenziji ta' Referenza tal-Kreditu.