About Us

Il-ġbir, il-kumpilazzjoni, it-tqassim u l-ippubblikar tal-istatistika

Il‑Bank Ċentrali ta' Malta jiġbor u jikkumpila firxa sħiħa ta' statistika monetarja, finanzjarja u statistika oħra makroekonomika skond standards Ewropej u oħrajn internazzjonali. Il‑Bank hu awtorizzat biex jaqdi dawn il‑funzjonijiet abbażi tal‑artikolu 23 tal‑Att tal‑Bank Ċentrali ta' Malta (Kap. 204), kif emendat. Barra minn hekk, l‑Artiklu 5 tal‑Istatut tas‑Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali (SEBĊ) u tal‑Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) poġġa fuq il‑BĊE l‑kompetenza sabiex, bl‑għajnuna tal‑banek ċentrali nazzjonali, tinġabar l‑istatistika li hemm bżonn għal qadi tad‑dmirijiet tas‑SEBĊ, mingħand l‑awtoritajiet nazzjonali kompetenti jew direttament mingħand l‑aġenti ekonomiċi. Din l‑istatistika hija meħtieġa għat‑tfassil tal‑politika, biex il‑Bank iwettaq l‑obbligazzjonijiet tal‑istatistika nazzjonali u dawk internazzjonali tiegħu u għall‑analiżi ekonomika u għar‑riċerka kemm fil‑Bank kif ukoll fl‑Eurosistema. Statistika aggregata u kkonsolidata tiġi ppubblikata fil‑pubblikazzjonijiet regolari tal‑Bank, fis‑sit elettroniku tiegħu, fil‑pubblikazzjonijiet tal‑BĊE u f'dawk ta' organizzazzjonijiet internazzjonali oħra.