Scam Alert
Il-Bank Ċentrali ta' Malta jixtieq jinforma lill-pubbliku li l-entità li topera taħt l-isem ta' Traderspros Invest Company Ltd, bi preżenza fuq l-internet fuq https[:]//traderspros[.]com, tidher li qed tuża l-logo tal-Bank Ċentrali ta' Malta. Traderspros Invest Company Ltd MHIX kumpanija rreġistrata Maltija u MHIX liċenzjata jew awtorizzata b'xi mod ieħor mill-MFSA biex tipprovdi kwalunkwe servizzi finanzjarji taħt il-liġi Maltija. Oqogħdu attenti li ma twettqu l-ebda negozju jew tranżazzjoni ma' entitajiet mhux awtorizzati. Il-konsumaturi għandhom iżommu lura milli jwettqu kwalunkwe tranżazzjoni ta' servizzi finanzjarji sakemm ma jkunux aċċertaw li l-entità hija awtorizzata li tipprovdi dawn is-servizzi mill-MFSA jew minn regolatur ieħor ta' servizzi finanzjarji ta' reputazzjoni tajba.
Aġġornata l-aħħar: 16 ta' Marzu 2022
Qed isiru telefonati bi skop ta’ ingann minn numri differenti, permezz tal-mowbajl, Whatsapp U Viber, li jidhru li huma mill-Bank Ċentrali ta’ Malta. Dawn it-telefonati qed isiru bi skopijiet malizzjużi. Il-Bank Ċentrali ta’ Malta javża li qatt ma jikkuntattja lill-pubbliku bit-telefon jew bil-midja soċjali. Barra minn hekk l-użu tal-immaġni u l-isem tiegħu huma totalment mhux awtorizzati.
Id-domain centralbakofmalta[.]org - mingħajr l-ittra 'n 'fil-kelma bank - qed jintuża biex jimita lill-Bank Ċentrali ta' Malta fi scams. Id-domain ġie rrappurtat lid-diversi awtoritajiet iżda l-Bank Ċentrali ta' Malta jixtieq iwissi lill-pubbliku dwar l-eżistenza tiegħu. Kull min jirċievi emails għandu jiċċekkja bir-reqqa l-indirizz elettroniku li minnu oriġinat u għandu jikkuntattja lill-Bank permezz tal-formola elettronika jekk ikun hemm xi dubji. Jekk jogħġbok innota li l-Bank MA JIBGĦATX emails mhux mitluba.
Il-Bank Ċentrali ta’ Malta mhuwiex bank kummerċjali u ma joffrix servizzi bankarji kummerċjali, bħall-ftuħ ta’ kontijiet, lill-pubbliku ġenerali.
Aġġornata l-aħħar: 1 ta' Settembru 2021