Relazzjonijiet ma' istituzzjonijiet internazzjonali
Il‑Bank Ċentrali ta' Malta huwa membru tas‑Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali (SEBĊ), tal‑Eurosistema u tal‑Bord Ġenerali tal‑Bord Ewropew dwar ir‑Riskju Sistemiku (ESRB). Il-Gvernatur u uffiċjali oħra tal-Bank jieħdu sehem b'mod attiv fit‑teħid tad‑deċiżjonijiet ta' dawn l‑istituzzjonijiet.
Il‑Bank huwa rrappreżentat ukoll f'numru ta' strutturi tal‑Unjoni Ewropea (UE). Il‑Gvernatur jattendi għal‑laqgħat informali tal‑Kunsill tal‑UE għall‑Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji (ECOFIN) filwaqt li uffiċjali għolja jieħdu sehem fil‑Kumitat għall‑Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji (EFC) li jagħti pariri lill‑Kunsill tal‑UE dwar suġġetti ekonomiċi u finanzjarji. Membri oħra tal‑istaff jieħdu sehem fil‑Kumitat għall‑Istatistika Monetarja, Finanzjarja u tal‑Bilanċ tal‑Pagamenti (CMFB), li jassisti lill‑Kummissjoni Ewropea sabiex tfassal u tħaddem programmi ta' xogħol relatati ma' statistika.
Il‑Bank, flimkien mal‑Ministeru għall‑Finanzi, iżomm ukoll relazzjonijiet mal‑istituzzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji internazzjonali li Malta hi msieħba fihom. Dawn l‑istituzzjonijiet jinkludu l‑Fond Monetarju Internazzjonali (FMI), il‑Grupp tal-Bank Dinji, il‑Bank Ewropew għar‑Rikostruzzjoni u l‑Iżvilupp (EBRD), u l-Bank Asjatiku għall‑Investiment fl‑Infrastruttura (AIIB).
L‑FMI iżomm kuntatt mill‑qrib mal‑awtoritajiet monetarji fl‑istati membri tiegħu sabiex jiżgura sistema monetarja u tal‑kambju internazzjonali stabbli. Ir‑relazzjoni mill‑qrib li hemm bejn il‑Bank u l‑FMI toħroġ mill‑obbligazzjonijiet statutorji li Malta assumiet meta ssieħbet mal‑Fond fl‑1968. Il‑Bank huwa responsabbli mit‑transazzjonijiet finanzjarji li Malta jkollha mal‑Fond.
Il‑Bank iżomm ukoll l‑istatus ta' osservatur fil‑Bank għall‑Pagamenti Internazzjonali (BIS) u fl‑Awtorità Bankarja Ewropea (EBA).