News - Stqarrijiet għall-Istampa 2017
09/06/2017
Konsultazzjoni Pubblika dwar l-implimentazzjoni tar-reviżjoni tad-Direttiva Nru 1 tal-Bank Ċentrali ta’ Malta dwar il-Provvediment u l-Użu tas-Servizzi ta’ Pagament
Il‑Bank Ċentrali ta' Malta llum nieda konsultazzjoni pubblika dwar l‑implimentazzjoni tiegħu tat‑test propost tar‑reviżjoni tad‑Direttiva relatata mal‑Provvediment u l‑Użu tas-Servizzi ta' Pagament f'Malta. Id‑Direttiva proposta ser tirrevoka d‑Direttiva Nru 1 tal‑Bank Ċentrali ta' Malta (Ref: CBM 01/2009) u hija msawra fuq ir‑rekwiżiti tad‑Direttiva (UE) 2015/2366 dwar is‑servizzi ta' pagament fis‑suq intern (PSD2).
It‑test propost tar‑reviżjoni tad‑Direttiva jirrifletti l‑proċess naturali tal‑adattament għat‑tħaddin tal‑iżviluppi teknoloġiċi li affettwaw ix‑xenarju tal‑pagamenti Ewropej matul l‑aħħar snin. It‑test jiftaħ aktar fuq l‑iskop ta' servizzi offruti mill‑fornituri tas‑servizzi ta' pagament (PSPs) sabiex jintlaħqu l‑aspettattivi tal‑utenti tas-servizzi ta' pagament (PSUs) u wkoll jinkoraġġixxi l‑kompetizzjoni fis‑suq, biex b'hekk il‑PSUs ikollhom iktar opportunitajiet sabiex jagħżlu l‑aħjar fornituri u servizzi.
Il‑Konsultazzjoni Pubblika hija miftuħa għall‑partijiet interessati kollha, inkluż il‑pubbliku inġenerali. Is‑sottomissjonijiet għandhom jintbagħtu b'email sas‑7 ta' Lulju 2017. Il‑kummenti sottomessi wara din id‑data, jew sottomessi permezz ta' mezzi oħrajn, jistgħu ma jiġux ipproċessati. Id‑Dokument ta' Konsultazzjoni Pubblika, inkluż l‑abbozz propost tat-traspożizzjoni tat-test tar‑reviżjoni tad‑Direttiva Nru 1 tal-Bank Ċentrali ta' Malta, jinsabu fuq is‑sit elettroniku tal‑Bank Ċentrali ta' Malta.
Din il-Konsultazzjoni Pubblika hija f'konformità mal-provvedimenti tad-Direttiva Nru 6 dwar Eżerċizzji ta' Konsultazzjoni mal-Partijiet Interessati. Aktar informazzjoni tinsab hawn.
Lura lejn l-Arkivju