- Home
-
- Konsultazzjoni Pubblika
Konsultazzjoni Pubblika
Fid‑9 ta' Ġunju 2017, il‑Bank Ċentrali ta' Malta nieda Konsultazzjoni Pubblika dwar l‑implimentazzjoni tat‑test propost tar‑reviżjoni tad‑Direttiva relatata mal‑Provvediment u l‑Użu tas-Servizzi ta' Pagament f'Malta, li ser tirrevoka d‑Direttiva Nru 1 tal‑Bank Ċentrali ta' Malta (Ref: CBM 01/2009). Din ir‑reviżjoni tad‑Direttiva hija msawra fuq ir‑rekwiżiti tad‑Direttiva (UE) 2015/2366 dwar is‑servizzi ta' pagament fis‑suq intern (PSD2).
Din ir‑reviżjoni tad‑Direttiva, Direttiva Nru 1 tal‑Bank Ċentrali ta' Malta, ser tinħareġ f'termini ta' artikolu 34(5) tal‑Att tal‑Bank Ċentrali ta' Malta (Kap. 204 tal‑Liġijiet ta' Malta) li jagħti s‑setgħa lill‑Bank li joħroġ, jemenda jew jirrevoka direttivi fir‑rigward ta', fost l‑oħrajn, regolamenti dwar is‑servizzi ta' pagament.
It‑test propost tar‑reviżjoni tad‑Direttiva jirrifletti l‑proċess naturali tal‑adattament għat‑tħaddin tal‑iżviluppi teknoloġiċi li affettwaw ix‑xenarju tal‑pagamenti Ewropej matul l‑aħħar snin. It‑test jiftaħ aktar fuq l‑iskop ta' servizzi offruti mill‑fornituri tas‑servizzi ta' pagament (PSPs) sabiex jintlaħqu l‑aspettattivi tal‑utenti tas-servizzi ta' pagament (PSUs) u wkoll jinkoraġġixxi l‑kompetizzjoni fis‑suq, biex b'hekk il‑PSUs ikollhom iktar opportunitajiet sabiex jagħżlu l‑aħjar fornituri u servizzi.
Minħabba l‑fatt li l‑Bank u l‑Awtorità għas‑Servizzi Finanzjarji ta' Malta (MFSA) it-tnejn ġew maħtura bħala Awtoritajiet Kompetenti għat‑traspożizzjoni nazzjonali tal‑PSD2, il‑Bank jinnota li din il‑Konsultazzjoni Pubblika u l‑abbozz propost tat-traspożizzjoni tat-test tar‑reviżjoni tad‑Direttiva Nru 1 tal‑Bank Ċentrali ta' Malta jkopru biss il‑provvedimenti li jaqgħu taħt il‑kompetenza tal‑Bank u jirrappreżentaw esklussivament il‑politika u fehmiet tal‑Bank.
Fir‑rigward tal‑artikoli tal‑PSD2 li jippermettu derogi lill‑Istati Membri, il‑Bank ippropona għażliet li għandhom jissodisfaw l‑aspettattivi tal‑partijiet involuti. Madankollu, il‑Bank japprezza jirċievi mill‑partijiet interessati kollha l-fehmiet tagħhom dwar dawn il‑kwistjonijiet.
F'konformità mal‑metodu ġenerali magħżul mill‑Awtoritajiet Ewropej, u sabiex jiġu ffaċilitati l‑analiżi u l‑proċess tal‑evalwazzjoni, il‑Bank japprezza kummenti li:
- jindikaw il‑punt speċifiku li għalih jirreferi l‑kumment;
- jinvolvu raġunijiet ċari;
- jipprovdu evidenza għat‑tisħiħ tal‑fehmiet espressi/ir-raġunijiet proposti;
- jiddeskrivu għażliet regolatorji alternattivi li l‑Bank għandu jikkunsidra.
Is‑sottomissjonijiet għal din il‑Konsultazzjoni Pubblika għandhom jintbagħtu b'email sas‑7 ta' Lulju 2017. Il‑kummenti sottomessi wara din id‑data, jew sottomessi permezz ta' mezzi oħrajn, jistgħu ma jiġux ipproċessati.
Id‑Dokument ta' Konsultazzjoni Pubblika, inkluż l‑abbozz propost tat-traspożizzjoni tat-test tar‑reviżjoni tad‑Direttiva Nru 1, jinsabu hawn.
Il‑bidliet li se jseħħu permezz tal‑PSD2 huma spjegati f'rappreżentazzjoni viżwali ddisinjata mill‑Kunsill Ewropew għall‑Pagamenti u li tista' tiġi aċċessata minn hawn.
Din il-Konsultazzjoni Pubblika hija f'konformità mal-provvedimenti tad-Direttiva Nru 6 dwar Eżerċizzji ta' Konsultazzjoni mal-Partijiet Interessati. Aktar informazzjoni tinsab hawn.