News - Stqarrijiet għall-Istampa 2017
12/01/2017
Tnedija ta’ munita tal-fidda u bolla stampata fuq fuljetta tal-fidda li jfakkru l-Presidenza ta’ Malta tal-Kunsill Ewropew tal-Unjoni Ewropea
Fit‑12 ta' Jannar 2017, il‑Bank Ċentrali ta' Malta u l‑MaltaPost ser joħorġu prodott numiżmatiku konġunt li jfakkar l‑ewwel Presidenza ta' Malta tal‑Kunsill tal‑Unjoni Ewropea. Il‑prodott huwa sett li jikkonsisti f'munita tal‑fidda u replika ta' bolla stampata fuq fuljetta tal fidda.
Il‑munita, maħduma fir‑Royal Dutch Mint, turi l‑emblema ta' Malta u s‑sena tal‑ħruġ 2017 fuq in‑naħa ta' quddiem, u l‑logo uffiċjali għall‑Presidenza Maltija tal‑Kunsill għall‑Unjoni Ewropea fuq in‑naħa ta' wara.
Il‑munita, li tista' tinxtara separatament, għandha valur nominali ta' €10. Il‑munita hi maħduma f'0.925 fidda, tiżen 28.28 grammi u għandha dijametru ta' 38.61 mm. Il‑munita hi maħduma f'verżjoni proof u l‑istampar tagħha hu limitat għal 2,500 munita. Il‑munita kienet iddisinjata u mnaqqxa mill‑artist Malti Noel Galea Bason.
Ir‑replika ta' bolla stampata fuq fuljetta tal‑fidda ġiet prodotta għall‑MaltaPost mir‑Royal Dutch Mint ukoll u turi l‑bolla postali ta' €3.59, waħda mill-bolol postali maħruġa għall‑okkażjoni tal‑Presidenza Maltija tal‑Kunsill tal‑Unjoni Ewropea.
Dan il‑prodott konġunt ser ikun f'kaxxa attrajenti u huwa limitat għal 500 sett. Is‑settijiet u l‑muniti jistgħu jinxtraw mill‑Malta Coin Centre (MCC) fil‑bini prinċipali tal‑Bank Ċentrali ta' Malta, fi Pjazza Kastilja ġewwa l‑Belt Valletta, jew mill‑e‑shop tal‑MCC. Il‑prezz tas‑sett huwa €90, filwaqt li l‑prezz tal-munita huwa €60. Iż‑żewġ prezzijiet jinkludu l‑VAT.
Għal aktar tagħrif, il‑pubbliku hu ġentilment mitlub jikkuntattja lill‑Malta Coin Centre billi jibgħat email jew iċempel fuq (+356) 2550 6006/7/8.
Lura lejn l-Arkivju