News

News - Stqarrijiet għall-Istampa 2020

15/10/2020

Il-Bank Ċentrali ta’ Malta jfakkar il-Jum Dinji tal-Istatistika 2020

Il‑Bank Ċentrali ta’ Malta (il‑Bank), flimkien ma’ diversi aġenziji nazzjonali u internazzjonali ta’ statistika, qiegħed ifakkar il‑Jum Dinji għall‑Istatistika fl‑20 ta’ Ottubru 2020. Il‑Jum Dinji tal‑Istatistika hu inizjattiva tan‑Nazzjonijiet Uniti bil‑għan li jiġu enfasizzati l‑kisbiet tal‑istatistika uffiċjali bbażati fuq il‑valuri ewlenin tas‑servizz, il‑professjonalità u l‑integrità, filwaqt li fl‑istess ħin bil‑għan ukoll li jissaħħu l‑għarfien u l‑fiduċja tal‑pubbliku fl‑istatistika uffiċjali. 

Il‑Bank, bħala produttur u utent ewlieni tal‑istatistika, għandu interess u rwol speċjali f’dan il‑qasam. B’mod partikolari, jirsisti biex jiżgura li l‑kontribut tiegħu għall‑ġbir, għall‑kumpilazzjoni u t‑tixrid tal‑istatistika huwa effiċjenti u ta’ livell għoli. F’dan ir‑rigward, il‑ħtiġijiet primarji tal‑Bank huma għal statistika monetarja, finanzjarja, esterna u statistika ekonomika oħra, li jipprovdu l‑qafas għall‑irwol tiegħu ta’ konsulenza, analiżi u riċerka. Hija l‑intenzjoni tal‑Bank li jkompli jikkontribwixxi għat‑titjib u t‑tisħiħ tal‑proċess ta’ kumpilazzjoni statistika f’Malta b’kooperazzjoni mal‑partijiet ikkonċernati tiegħu.

Id‑domanda dejjem tiżdied għal statistika f’waqtha u affidabbli timplika ħtieġa kostanti għal ħiliet statistiċi speċjalizzati u l‑użu ta’ teknoloġiji ġodda. Il‑Bank investa b’mod sinifikanti fil‑pjattaforma tiegħu ta’ pproċessar statistiku li konsegwentement saħħaħ l‑ispettru kollu tal‑proċessi tiegħu statistiċi u tad‑data, jiġifieri l‑ġbir, il‑validità, il‑produzzjoni ta’ aggregati, il‑pubblikazzjoni, it‑tixrid u t‑trażmissjoni ta’ statistika lil istituzzjonijiet Ewropej u istituzzjonijiet internazzjonali oħrajn.

Informazzjoni oħra dwar il‑Jum Dinji tal‑Istatistika tinsab fuq siti elettroniċi oħrajn bħal tan‑Nazzjonijiet Uniti, tal‑Bank Ċentrali Ewropew u tal‑Uffiċċju Nazzjonali tal‑Istatistika.


...

Lura lejn l-Arkivju