News

News - Stqarrijiet għall-Istampa 2017

31/05/2017

Ħruġ ta’ sett ġdid ta’ muniti tal-euro datat 2017

Fil‑31 ta' Mejju 2017, il‑Bank Ċentrali ta' Malta ser joħroġ sett ġdid ta' muniti tal‑euro datat 2017 f'verżjoni brilliant uncirculated. Is‑sett jinkludi t‑tmien muniti tal‑euro Maltin, kif ukoll munita taż‑€2 li turi t‑tempji preistoriċi ta' Ħaġar Qim. Din il‑munita hija t‑tieni minn serje ta' seba' muniti ddedikati għal monumenti preistoriċi Maltin.

It‑Tempji ta' Ħaġar Qim fil‑Qrendi f'Malta, għandhom uħud mill‑ikbar ġebel megalitiku użat fil‑bini tat‑tempji preistoriċi li nsibu fil‑gżejjer Maltin. Is‑sit imur lura għas‑snin 3,600‑3,200 QK, u huwa wieħed mill‑eqdem monumenti free‑standing fid‑dinja. Ħaġar Qim huwa ddikjarat ukoll bħala sit ta' wirt dinji mill‑UNESCO.

Il‑muniti kollha fis‑sett huma ta' kwalità brilliant uncirculated, u kienu maħduma fil‑Monnaie de Paris fi Franza. In‑naħat nazzjonali tal‑muniti tal‑euro u tal‑munita kommemorattiva taż‑€2 ġew iddisinjati minn Noel Galea Bason. Is‑settijiet, li l‑istampar tagħhom se jkun limitat għal 25,000 sett, ser jiġu ppreżentati fi blister‑packs attraenti u llustrati.

Is‑settijiet jistgħu jinxtraw direttament mill‑e‑shop tal‑Malta Coin Centre (MCC), li jista' jiġi aċċessat mis‑sit elettroniku tal‑Bank. Is‑settijiet jistgħu jinxtraw ukoll mill‑MCC fil‑bini prinċipali tal‑Bank Ċentrali ta' Malta ġewwa l‑Belt Valletta. Is‑sett ser jinbiegħ għall‑prezz ta' €26.

Għal aktar tagħrif, il‑pubbliku hu ġentilment mitlub jikkuntattja lill‑MCC billi jibgħat email jew iċempel fuq (+356) 2550 6006/7. 

Sett ġdid ta’ muniti tal-euro datat 2017

Lura lejn l-Arkivju