News - Stqarrijiet għall-Istampa 2017
31/01/2017
Tagħrif ta’ kull sitt xhur dwar il-falsifikazzjoni tal-karti tal-flus tal-euro f’Malta
Fit‑tieni nofs tal‑2016, ġew irrappurtati lill‑Bank Ċentrali ta' Malta 639 karta tal‑euro falza. B'hekk, għas‑sena 2016, l‑ammont totali ta' karti tal‑flus foloz irtirati miċ‑ċirkolazzjoni laħaq it‑3,010, li huwa tnaqqis ta' 38.9% meta mqabbel mal‑figuri tas‑sena ta' qabel.
Meta jitqabbel mal‑għadd ta' karti tal‑euro ġenwini fiċ‑ċirkolazzjoni f'Malta (medja ta' ftit aktar minn 9.7 miljun fit‑tieni nofs tal‑2016), il‑proporzjon ta' karti tal‑euro foloz għadu insinifikanti. Hu baxx ukoll (0.18%) bħala proporzjon tal‑ammont totali tal‑karti tal‑flus foloz maqbuda fiż‑żona tal‑euro kollha kemm hi matul l‑istess perjodu, li jammonta għal 353,000 karta tal-flus.
Mill‑karti kollha tal‑flus tal‑euro foloz maqbuda f'Malta matul it‑tieni nofs tas‑sena, il‑karta tal‑€10 kompliet tkun l‑iktar denominazzjoni ffalsifikata u tammonta għal 36.9% tat‑total tal‑flus foloz maqbuda. Matul dan il‑perjodu, il‑proporzjon tal‑karta tal‑€50 żdied filwaqt li tal‑€20 kompla jonqos.
It‑tabella tipprovdi analiżi perċentwali tal‑ammont totali ta' flus foloz irtirati miċ‑ċirkolazzjoni fit‑tieni nofs tal‑2016, skont id‑denominazzjonijiet u mqabbla ma' dawk irtirati fiż‑żona tal‑euro kollha kemm hi.
|
|
€5
|
€10
|
€20
|
€50
|
€100
|
€200
|
€500
|
Analiżi Perċentwali
|
Żona tal‑Euro
|
0.8
|
3.7
|
37.8
|
42.5
|
9.7
|
0.6
|
4.9
|
Malta
|
0.5
|
36.9
|
25.0
|
33.2
|
4.2
|
0.2
|
0.0
|
Il‑Bank jixtieq ifakkar lill‑pubbliku li l‑karta ġdida tal‑€50, bil‑karatteristiċi innovattivi tagħha ta' sigurtà, ser tiġi mnedija fl‑4 ta' April 2017. Il‑manifatturi tat‑tagħmir tal‑karti tal‑flus ser ikomplu jirċievu sapport mill‑Eurosistema fl‑adattament tal‑magni u t‑tagħmir tagħhom għall‑awtentikazzjoni għall‑karta ġdida tal‑flus. Jekk it‑tagħmir tagħhom għadu ma jistax jaċċetta din il‑karta tal‑flus, l‑operaturi jew is‑sidien għandhom jikkuntattjaw lill‑fornituri jew il‑manifatturi tagħhom mingħajr dewmien.
Minkejja l‑livell baxx ta' flus foloz irrapportati lokalment, il‑Bank Ċentrali ta' Malta jibqa' jwissi lill‑pubbliku biex joqgħod attent meta jagħmel tranżazzjonijiet bi flus kontanti. Il‑karti tal‑flus ġenwini jintgħarfu faċilment permezz tat‑test "FEEL‑LOOK‑TILT" kif spjegat fuq is‑sit elettroniku tal‑Bank Ċentrali ta' Malta. Il‑Bank hu disponibbli biex jipprovdi kull tip ta' għajnuna, inkluż taħriġ lil kwalunkwe entità lokali li tista' teħtieġ din l‑assistenza.
Kull min jirċievi karta tal‑flus suspettuża għandu jċempel lill‑Pulizija fuq 2294 2120 jew lill‑Bank Ċentrali ta' Malta fuq 2550 6012/3, jew jibgħat e-mail lill‑Bank.
Lura lejn l-Arkivju