News - Stqarrijiet għall-Istampa 2016
12/12/2016
It-Tbassir Makroekonomiku tal-Bank Ċentrali ta’ Malta
Il‑Bank Ċentrali ta' Malta ppubblika l‑aħħar tbassir ekonomiku tiegħu fuq is‑sit elettroniku tiegħu.
L‑attività ekonomika f'Malta hi mistennija li tibqa' b'saħħitha tul il‑perjodu tat‑tbassir, sostnuta minn fatturi ta' domanda u provvista. B'mod partikolari, ir‑riformi fl‑enerġija li saru matul dawn l‑aħħar snin, proġetti ġodda ta' investiment, żieda fil‑parteċipazzjoni fis‑suq tax‑xogħol u esportazzjoni qawwija ta' servizzi huma l‑istimoli ewlenin li jsostnu t‑tkabbir ekonomiku. It‑tkabbir fil‑PDG reali hu mbassar li jkun 4.3% għall‑2016. Hu mbassar imbagħad li jbatti għal 4.1% fl‑2017, 3.7% fl‑2018, u 3.3% fl‑2019.
B'riżultat ta' dan, is‑suq tax‑xogħol hu mistenni li jibqa' f'livelli b'saħħithom, bir‑rata tal‑qgħad tkompli tinżel għal 4.9% fl‑2016, qabel ma titla' bi ftit għal 5.3% sal‑2019.
It-tnaqqis fil‑pressjonijiet tal‑prezzijiet internazzjonali huwa mistenni li jikkontribwixxi għal aktar tnaqqis fl‑inflazzjoni fil‑prezzijiet għall‑konsumatur din is-sena. L‑inflazzjoni annwali, ibbażata fuq l‑Indiċi Armonizzat tal‑Prezzijiet għall‑Konsumatur (HICP), għandha tbatti minn 1.2% fl‑2015 għal 0.9% fl‑2016. Hi mistennija mbagħad li titla' għal 1.9% sal‑2019, minħabba żieda fil‑prezzijiet internazzjonali tal‑prodotti bażiċi u fil‑pressjonijiet tal‑ispejjeż domestiċi.
F'termini ta' finanzi pubbliċi, trażżin fil‑fatturi varjabbli ewlenin fl‑infiq hu mistenni li jikkontribwixxi lejn tnaqqis fid‑defiċit tal‑gvern ġenerali, bil‑finanzi tal-gvern mistennija li jsiru bilanċjati b'mod ġenerali sal‑2019.
Aktar dettalji dwar l‑aħħar tbassir tal‑Bank jinsabu hawnhekk.
Lura lejn l-Arkivju