News - Stqarrijiet għall-Istampa 2016
28/09/2016
Il-Bank Ċentrali ta’ Malta jiftaħ fin-Notte Bianca
Għal darb'oħra, il‑Bank Ċentrali ta' Malta ser jipparteċipa fl‑edizzjoni ta' din is‑sena tan‑Notte Bianca li ser issir is‑Sibt 1 ta' Ottubru 2016. Il‑bini prinċipali tal‑Bank fi Pjazza Kastilja ser ikun miftuħ għall‑pubbliku bejn is‑sitta u l‑ħdax ta' filgħaxija.
Dawk li jżuru l‑Bank ser ikollhom l‑opportunità li jżuru l‑mużew tal‑flus, fejn hemm għażla impressjonanti ta' muniti u karti tal‑flus fiċ-cirkolazzjoni li ntużaw f'Malta matul iż‑żminijiet, kif ukoll wirja ta' muniti antiki li ġew akkwistati riċentement. Wirja speċjali ta' muniti fiduċjarji tar‑ram maħruġin matul il‑ħakma tal‑Ordni ta' San Ġwann żgur li ser tinteressa kemm lill-esperti tan-numiżmatika kif ukoll lill-pubbliku inġenerali. Din il-wirja speċjali ser tinkludi numru ta' muniti mill‑kollezzjoni tal‑Bank, mill‑Kollezzjoni Nazzjonali ta' Heritage Malta, kif ukoll minn kollezzjonijiet privati.
Dawk li jżuru l‑Bank waqt in‑Notte Bianca ser jibbenefikaw ukoll minn roħs speċjali fuq firxa limitata ta' prodotti numiżmatiċi. Ser ikun hemm ukoll materjal ta' informazzjoni disponibbli għall‑pubbliku, kif ukoll ser tingħata tifkira żgħira tal‑okkażjoni.
Aktar informazzjoni tista' tinkiseb minn fuq is‑sit elettroniku tal‑Bank www.centralbankmalta.org, jew billi wieħed iċempel lill‑Malta Coins Distribution Centre fuq (+356) 2550 6006/7.
Lura lejn l-Arkivju