News

News - Stqarrijiet għall-Istampa 2016

20/09/2016

Ħruġ ta’ munita kommemorattiva taż-€2 – it-Tempji tal-Ġgantija

Serje ta' muniti li juru monumenti preistoriċi Maltin

Fit‑22 ta' Settembru 2016, il‑Bank Ċentrali ta' Malta ser joħroġ munita kommemorattiva taż‑€2 li turi t‑tempji tal‑Ġgantija.

In‑naħa ta' wara tal‑munita turi n‑naħa komuni taż‑€2 filwaqt li n‑naħa ta' quddiem (in‑naħa nazzjonali), li ġiet iddisinjata minn Noel Galea Bason, turi rappreżentazzjoni tat‑tempji tal‑Ġgantija.

It‑Tempji tal‑Ġgantija f'Għawdex huma wħud mill‑aqwa tempji preistoriċi ppreservati fil‑gżejjer Maltin. Is‑sit imur lura għas‑snin 3,600‑3,200 QK, u huwa wieħed mill‑eqdem monumenti free‑standing fid‑dinja. It‑Tempji tal‑Ġgantija ġew iddikjarati bħala sit ta' wirt dinji mill‑UNESCO fl‑1980.

Din il‑munita hija l‑ewwel minn serje ta' seba' muniti li ser jinħarġu mill‑Bank u li ser juru monumenti preistoriċi Maltin iddikjarati bħala siti ta' wirt dinji mill‑UNESCO.

Dawn il‑muniti kommemorattivi ser joħorġu f'verżjoni għaċ‑ċirkolazzjoni fi stoċċijiet ta' 25 munita kull wieħed, kif ukoll f'coin cards. Il‑muniti fil‑cards, li minnhom ser isiru biss 30,000, ser juru marka taz‑zekka tal-Monnaie de Paris, fejn inħadmu l‑muniti. Il‑prezz ta' stoċċ ta' 25 munita huwa €70, filwaqt li dak ta' coin card huwa €7.

Il‑muniti jistgħu jinxtraw direttament mill‑e‑shop tal‑Malta Coins Distribution Centre (MCDC). Għal aktar tagħrif, il‑pubbliku hu ġentilment mitlub jikkuntattja lill‑MCDC billi jibgħat email jew iċempel fuq (+356) 2550 6006/7.

Munita kommemorattiva taż-2 – it-Tempji tal-Ġgantija

Lura lejn l-Arkivju