News - Stqarrijiet għall-Istampa 2016
22/06/2016
Ir-Rivista ta’ Kull Tliet Xhur – l-Ewwel Ħarġa tal-2016
Il‑Bank Ċentrali ta' Malta ppubblika l‑ewwel ħarġa tar‑Rivista tiegħu ta' Kull Tliet Xhur għas‑sena 2016, li tanalizza l‑iżviluppi ekonomiċi u finanzjarji riċenti f'Malta u barra minn Malta. Ir‑Rivista tinkludi wkoll numru ta' rapporti analitiċi dwar il‑kejl tal‑kompetittività internazzjonali, l‑impatt ekonomiku fuq il‑ħaddiema barranin f'Malta, u dwar l‑aċċess għall‑finanzjament. Din l‑edizzjoni tinkludi wkoll artiklu dwar l‑evoluzzjoni tas‑sistema finanzjarja Ewropea wara l‑kriżi finanzjarja.
Ir‑Rivista taċċenna li l‑Kunsill Governattiv tal‑Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) saħħaħ ix‑xejra akkomodattiva tiegħu tal‑politika monetarja matul l‑ewwel nofs tal‑2016. Ġie mħabbar sett komprensiv ta' miżuri, bil‑għan li jsaħħaħ l‑irkupru ekonomiku fiż‑żona tal‑euro, kif ukoll jgħin sabiex l‑inflazzjoni tirritorna lejn il‑mira ta' inqas mil‑livell ta', jew viċin, 2.0%.
B'mod aktar speċifiku, fl‑10 ta' Marzu l‑Kunsill Governattiv naqqas ir‑rata tal‑imgħax fuq l‑operazzjonijiet ewlenin ta' rifinanzjament u r‑rata fuq il‑faċilità tas‑self marġinali b'ħames punti bażi għal 0.00% u 0.25%, rispettivament. Fl‑istess waqt, ir‑rata fuq il‑faċilità ta' depożitu tnaqqset b'għaxar punti bażi għal ‑0.40%. Il‑Kunsill Governattiv żied ukoll ix‑xiri tiegħu ta' kull xahar taħt il‑programm ta' xiri ta' assi b'€20 biljun għal €80 biljun. Minn Ġunju, dan il‑programm jinkludi wkoll programm ġdid ta' xiri mis‑settur korporattiv. Ġiet imħabbra wkoll serje ġdida ta' erba' operazzjonijiet speċifiċi ta' rifinanzjament għal żmien itwal b'perjodu ta' maturità ta' erba' snin.
Matul l‑ewwel trimestru tal‑2016, id‑domanda domestika wasslet għal tkabbir ta' 0.6% fil‑prodott domestiku gross (PDG) fiż‑żona tal‑euro meta mqabbla mat‑trimestru ta' qabel. Madankollu, il‑pressjonijiet inflazzjonarji baqgħu mrażżnin. Fil‑fatt, ir‑rata annwali tal‑inflazzjoni fiż‑żona tal‑euro mkejla fuq il‑bażi tal‑Indiċi Armonizzat tal‑Prezzijiet għall‑Konsumatur (HICP) niżlet minn 0.2% f'Diċembru għal 0.0% f'Marzu, u reġgħet niżlet bi ftit għal ‑0.1% f'Mejju.
Skont it‑tbassir makroekonomiku ppubblikat mill‑istaff tal‑Eurosistema f'Ġunju 2016, l‑irkupru ekonomiku fiż‑żona tal‑euro hu mistenni li jkompli - it‑tkabbir fil‑PDG f'termini reali mistenni li jilħaq il‑1.6% din is‑sena u 1.7% kemm fl‑2017 kif ukoll fl‑2018. L‑inflazzjoni hi inizjalment mistennija li tibqa' baxxa fil‑livell ta' 0.2% fl‑2016, qabel ma taċċellera għal 1.3% u 1.6% fl‑2017 u fl‑2018, rispettivament.
Fir‑rigward tal‑iżviluppi domestiċi, ir‑Rivista tinnota li l‑ekonomija Maltija kompliet tikber b'pass qawwi. Fil‑fatt, l‑istima inizjali għall‑aħħar trimestru tal‑2015 uriet rata tat‑tkabbir annwali tal‑PDG reali ta' 5.7%, l‑aktar minħabba d‑domanda domestika. Din ġiet sussegwentement riveduta 'l fuq għal 6.2%. Matul l‑ewwel trimestru tal‑2016, it‑tkabbir annwali fil‑PDG reali batta għal rata li għadha b'saħħitha, ta' 5.2%.
L‑attività ekonomika b'saħħitha ġiet riflessa fis‑suq tax‑xogħol. Matul ir‑raba' trimestru tal‑2015, l‑impjiegi komplew jiżdiedu, filwaqt li r‑rata tal‑qgħad żammet ix‑xejra tagħha ta' tnaqqis. Skont il‑Labour Force Survey (LFS), l‑impjiegi żdiedu bi 3.0% f'termini annwali. Sadattant, ir‑rata tal‑qgħad ibbażata fuq l‑LFS naqset għal 5.2%. Skont ir‑reġistri amministrattivi, in‑numru ta' nies qiegħda rreġistrati kompla jonqos fl‑ewwel trimestru tal‑2016.
Ir‑rata annwali tal‑inflazzjoni bbażata fuq l‑HICP f'Malta battiet għal 1.0% f'Marzu, minn 1.3% f'Diċembru. Dan it‑tnaqqis seħħ l‑aktar minħabba tkabbir, b'pass inqas mgħaġġel, fil‑prezzijiet tas‑servizzi u tal‑ikel mhux ipproċessat. F'April, ir‑rata annwali tal‑inflazzjoni kompliet timmodera għal 0.8%.
Fis‑settur barrani, matul ir‑raba' trimestru tal‑2015, il‑bilanċ pożittiv fuq il‑kont kurrenti tal‑bilanċ tal‑pagamenti żdied sostanzjalment meta mqabbel mal‑istess perjodu tal‑2014. Dan irrifletta żviluppi fil‑kontijiet primarji u sekondarji tal‑introjtu, kif ukoll żieda fil‑bilanċ pożittiv fuq il‑kont tas‑servizzi. Dawn għelbu żbilanċ akbar fil‑kont tal‑kummerċ tal‑merkanzija.
Id‑dinamika monetarja baqgħet b'saħħitha, bid‑depożiti tar‑residenti f'Malta ma' banek Maltin jiżdiedu b'rata annwali ta' 10.0% f'Marzu. Sadattant, il‑kreditu lil residenti f'Malta kompla jiżdied, għalkemm ir‑rata tat‑tkabbir annwali battiet għal 5.2% f'Marzu, minn 5.6% f'Diċembru.
B'konformità mal‑iżviluppi fiż‑żona tal‑euro kollha kemm hi, il‑yields tas‑suq monetarju lokali naqsu matul it‑trimestru kopert. Ir‑rata fuq il‑bills tat‑Teżor b'perjodu ta' maturità ta' tliet xhur fis‑suq primarju naqset għal ‑0.14% sal‑aħħar ta' Marzu. Fis‑suq kapitali sekondarju, il‑yields fuq bonds tal‑gvern komplew bix‑xejra tagħhom 'l isfel, bil‑yield fuq bonds tal‑gvern b'perjodu ta' maturità ta' għaxar snin tonqos għal 0.9%. Bl‑istess mod, kien hemm ftit tnaqqis fir‑rati tal‑banek għas‑self - fl‑aħħar tat‑trimestru r‑rata medja ppeżata tal‑imgħax fuq self lil individwi u lil kumpaniji mhux finanzjarji residenti f'Malta għalqet f'livell ta' 3.77%.
Fir‑rigward tal‑iżviluppi fiskali, fl‑aħħar trimestru tal‑2015 kien hemm titjib ta' €16.9 miljun fil‑bilanċ tal‑gvern ġenerali fuq sena qabel, hekk kif id‑dħul żdied aktar mill‑infiq. B'riżultat ta' dan, id‑defiċit tal‑gvern ġenerali naqas għal 1.5% tal‑PDG matul is‑sena kollha kemm hi. Il‑proporzjon tad‑dejn tal‑gvern ġenerali għall‑PDG naqas ukoll għal 63.9% fl‑aħħar tas‑sena 2015. Id‑data tal‑Fond Konsolidat turi li d‑defiċit naqas matul l‑ewwel erba' xhur tal‑2016, meta mqabbel mal‑istess perjodu tal‑2015.
Din il‑ħarġa tar‑Rivista tinkludi wkoll l‑aħħar tbassir makroekonomiku tal‑Bank. Il‑Bank jipprevedi tkabbir fil‑PDG reali ta' 4.9% din is‑sena. Matul is‑sentejn li ġejjin, it‑tkabbir hu mistenni li jkompli jbatti għal 3.6% fl‑2018. Id‑domanda domestika mistennija tkun l‑istimolu ewlieni għal tkabbir fl‑attività ekonomika.
L‑inflazzjoni HICP hi mistennija li timmodera bi ftit għal 1.1% fl‑2016, qabel ma tirpilja għal 1.7% fl‑2017 u 1.8% fl‑aħħar sena tal‑perjodu tat‑tbassir. Ir‑riskji għat‑tbassir tat‑tkabbir ekonomiku tal‑PDG u tal‑inflazzjoni għandhom xejra li jkunu kemxejn baxxi.
Mill‑perspettiva ta' politika ekonomika, il‑Bank jilqa' t‑tnaqqis riċenti fid‑defiċit fiskali u jfakkar li l‑aħħar Aġġornament tal‑Gvern dwar il‑programm tal‑istabbiltà jimmira għal pożizzjoni qrib il‑bilanċ fl‑2018. Bl‑istess mod, il‑proporzjon tad‑dejn hu mistenni wkoll li jinżel taħt is‑60% fl‑2018. Aktar miżuri għandhom jiġu speċifikati, bil‑għan li jiżguraw li dawn il‑miri tabilħaqq jintlaħqu. Il‑kisba ta' għanijiet bħal dawn u aktar tnaqqis f'obbligazzjonijiet kontinġenti fuq garanziji lil entitajiet tal‑gvern, ser isaħħu s‑sostenibbiltà fiskali, itejbu s‑sentiment tal‑investituri, u jżidu l‑prospetti ta' titjib fil‑klassifika minn aġenziji internazzjonali tal‑klassifikazzjoni tal‑kreditu.
Is‑sistema finanzjarja baqgħet b'saħħitha, kif rifless fil‑livelli ta' kapital u likwidità tal‑banek. Madankollu, aktar sforzi huma meħtieġa sabiex jiżdiedu l‑provvedimenti kontra s‑self fejn il‑ħlas qiegħed b'lura (non‑performing loans) u sabiex jissaħħu r‑riżervi.
It‑tkabbir tas‑self jista' jiġi aktar sostnut jekk il‑banek jieħdu vantaġġ mill‑miżuri tal‑politika monetarja mħabbra mill‑Kunsill Governattiv f'Marzu 2016. Filwaqt li fil‑passat ir‑rati domestiċi tal‑imgħax irrispondew għal tnaqqis fir‑rati uffiċjali, għad hemm skop li dawn jirriflettu bis‑sħiħ ix‑xejra politika aktar akkomodattiva segwita fi snin riċenti. Aktar trasparenza fir‑rigward tal‑ispejjeż mhux mill‑imgħax tgħin ukoll biex ibattu l‑kundizzjonijiet għall‑finanzjament lokali. Ir‑Reġistru Ċentrali tal‑Kreditu mħabbar riċentement mill‑Bank għandu jgħin f'dan ir‑rigward, minħabba li dan jindirizza differenzi fl‑informazzjoni fost min jissellef u s‑selliefa, u għandu jistimola kompetizzjoni akbar bejn il‑banek.
L‑ewwel ħarġa tar Rivista ta' Kull Tliet Xhur għall‑2016 tinsab fuq is‑sit elettroniku tal‑Bank Ċentrali ta' Malta.
Lura lejn l-Arkivju