News

News - Stqarrijiet għall-Istampa 2016

17/06/2016

Simpożju dwar il‑pajjiżi ż‑żgħar fiż‑żona tal‑euro – l‑andament ekonomiku wara l‑kriżi u l‑isfidi għall‑futur

Fis‑17 ta' Ġunju 2016, il‑Bank Ċentrali ta' Malta ospita simpożju bl‑isem "Il‑pajjiżi ż‑żgħar fiż‑żona tal‑euro - l‑andament ekonomiku wara l‑kriżi u l‑isfidi għall‑futur".

Il‑pubblikazzjoni "Understanding the Maltese Economy" ġiet imnedija waqt is‑simpożju. Din il‑pubblikazzjoni ta' riċerka, li tiffoka fuq l‑evoluzzjoni tal‑ekonomija Maltija fl‑ewwel għaxar snin wara d‑dħul ta' Malta fl‑Unjoni Ewropea, tiġbor flimkien għaxar artikli miktuba minn disa' ekonomisti tal‑Bank Ċentrali ta' Malta. Din il‑pubblikazzjoni hija maqsuma f'ħames taqsimiet u tinkludi deskrizzjoni ġenerali tal‑karatteristiċi partikolari tal‑ekonomija Maltija.

L‑ewwel taqsima tagħti ħarsa ġenerali lejn l‑ekonomija Maltija u taċċenna x‑xejriet u l‑bidliet strutturali li kkontribwew għal aktar flessibbiltà u reżiljenza ekonomika matul iż‑żmien. It‑tieni taqsima tħares lejn ir‑relazzjoni bejn il‑produzzjoni, il‑prezzijiet u l‑impjiegi f'Malta. L‑artikli f'din it‑taqsima jipprovdu stimi ta' produzzjoni potenzjali f'Malta u jeżaminaw ir‑relazzjoni bejn il‑produzzjoni u l‑qgħad, u dik bejn l‑attività ekonomika u l‑inflazzjoni.

Id‑dinamika tal‑inflazzjoni f'Malta hija analizzata f'aktar dettall fit‑tielet taqsima, b'artikli li jiffokaw fuq ix‑xejriet u l‑fatturi determinanti tal‑inflazzjoni f'Malta u l‑istimi tal‑inflazzjoni prinċipali. Ir‑rwol tas‑sistema finanzjarja huwa analizzat fir‑raba' taqsima, b'żewġ artikli dwar id‑domanda għall‑flus u l‑mekkaniżmu ta' trażmissjoni f'Malta. L‑istimi għall‑multipliers fiskali għall‑ekonomija Maltija huma inklużi fl‑aħħar taqsima tal‑pubblikazzjoni.

Id‑Deputat Gvernatur, is‑Sur Alfred Mifsud, għamel l‑introduzzjoni għal dan is‑simpożju. Dr Aaron G. Grech, Chief Officer Economics and Statistics Division, u Dr Ian Cassar mill‑Università ta' Malta, ippreżentaw u ddiskutew din il‑pubblikazzjoni ta' riċerka.

Id‑Deputat Gvernatur, is‑Sur Alexander Demarco, introduċa t‑tieni parti tas‑simpożju fejn ġie ttrattat l‑andament ekonomiku tal‑pajjiżi ż‑żgħar fiż‑żona tal‑euro wara l‑kriżi finanzjarja. Is‑Sur Gaston Reinesch, Gvernatur tal‑Banque Centrale du Luxembourg, Dr Boštjan Jazbec, Gvernatur tal‑Banka Slovenije, u l‑Professur Josef Bonnici, Gvernatur tal‑Bank Ċentrali ta' Malta, għamlu aċċenn għal numru ta' fatturi prominenti li ddeterminaw l‑andament ekonomiku tal‑pajjiż tagħhom matul u wara l‑kriżi, u marru lil hinn mill‑kwistjoni ta' kobor u kif dawn il‑pajjiżi kienu differenti mill‑kumplament taż‑żona tal‑euro.

Il‑Gvernatur Josef Bonnici wera li minkejja ċ‑ċokon u d‑dipendenza fuq il‑kummerċ barrani, Malta ffaċċjat il‑kriżi b'mod tajjeb ħafna u kienet aktar effiċjenti minn ħafna pajjiżi oħra żgħar. Il‑Gvernatur spjega li l‑bidla strutturali kienet il‑fattur determinanti ewlieni għal reżiljenza ekonomika ta' Malta. Din tinkludi l‑liberalizzazzjoni, il‑privatizzazzjoni, u l‑investiment fl‑infrastruttura u fl‑edukazzjoni matul l‑aħħar ħmistax‑il sena. Dan ġie akkumpanjat minn strateġija mmirata li tattira investiment barrani dirett li fetaħ setturi ġodda tas‑servizzi u tejjeb is‑settur tal‑manifattura, li jakkomodaw iż‑żieda fil‑parteċipazzjoni tan‑nisa u l‑emigrazzjoni lejn Malta.

Il‑Gvernatur Josef Bonnici enfasizza li l‑flessibbiltà fis‑swieq tal‑prodotti u tax‑xogħol, id‑diversifikazzjoni ekonomika, prattiċi bankarji b'saħħithom, flimkien ma' mġiba fiskali prudenti li tiffavorixxi t‑tkabbir, huma wkoll ingredjenti neċessarji għal ekonomija b'saħħitha li tkun tista' tiffaċċja xenarji negattivi esterni u lokali, kemm fil‑każ ta' pajjiżi żgħar kif ukoll kbar.

Il‑pubblikazzjoni "Understanding the Maltese Economy" hija disponibbli fuq is‑sit elettroniku tal‑Bank Ċentrali ta' Malta.

Symposium

 

Symposium

Lura lejn l-Arkivju