News

News - Stqarrijiet għall-Istampa 2016

23/05/2016

Il-Bank Ċentrali ta’ Malta jsaħħaħ l-assoċjazzjoni tiegħu mal‑Università ta’ Malta

Il‑Bank Ċentrali ta' Malta ġedded il‑ftehim dwar it‑twaqqif tal‑Professorat fl‑Ekonomija tal‑Bank Ċentrali ta' Malta mal‑Fakultà tal‑Ekonomija, Maniġment u Accountancy tal‑Università ta' Malta, għal perjodu ta' tliet snin minn Ottubru 2016 bil‑possibbiltà li jerġa' jiġi mġedded.

Id‑Deputat Gvernatur tal‑Bank Ċentrali ta' Malta, is‑Sur Alfred Mifsud, u r‑Rettur tal‑Università ta' Malta l‑Professur Juanito Camilleri ffirmaw ftehim f'isem l‑entitajiet rispettivi tagħhom, filwaqt li s‑Sur Charles Zammit u s‑Sur Mario Grech iffirmaw il‑ftehim f'isem ir‑Research, Innovation and Development Trust (RIDT - Trust għar‑Riċerka, Innovazzjoni u Żvilupp) tal‑Università.

Il‑finanzjament mill‑Bank se jmur sabiex isaħħaħ id‑Dipartiment tal‑Ekonomija. Permezz ta' din l‑inizjattiva, il‑Fakultà tkun tista' ġġib kull sena, għat‑tliet snin li ġejjin, professuri barranin tal‑ekonomija, magħrufin u li jkunu ddistingwew ruħhom fil‑qasam akkademiku tagħhom. Huma se jkunu qed jgħallmu studenti fil‑Baċellerat tal‑Ekonomija u studenti rreġistrati għal kors ġdid fuq bażi part‑time tal‑Master of Arts fl‑Ekonomija, li ser jibda fis‑sena akkademika 2016/2017 fuq perjodu ta' sentejn u nofs. L‑impjegati tal‑Bank Ċentrali ta' Malta se jkunu intitolati għal kondizzjonijiet preferenzjali meta japplikaw għall‑kors fuq bażi part‑time tal‑Master of Arts fl‑Ekonomija.

L‑RIDT twaqqaf fl‑2011 sabiex ikabbar l‑attività ta' riċerka tal‑Università ta' Malta fl‑oqsma kollha ta' studju permezz ta' impenn ma' diversi setturi tas‑soċjetà.

Lura lejn l-Arkivju