News - Stqarrijiet għall-Istampa 2016
19/05/2016
The Euro - An informative guide
Fil‑jiem li ġejjin il‑Bank Ċentrali ta' Malta ser iqassam ktejjeb informattiv fid‑djar kollha bl‑isem 'The Euro - An informative guide'. Din il‑pubblikazzjoni mexxejja hi maħsuba biex isservi bħala referenza prattika dwar il‑karatteristiċi ta' sigurtà tal‑flus tal‑euro u l‑identifikazzjoni tal‑flus foloz. Dan il-ktejjeb huwa l-uniku wieħed fiż‑żona tal‑euro li jkopri l‑karatteristiċi ta' sigurtà integrati kemm fil‑karti tal‑flus tal-euro kif ukoll fil‑muniti tal-euro.
Funzjoni importanti tal‑banek ċentrali nazzjonali fiż‑żona tal‑euro, inkluż il‑Bank Ċentrali ta' Malta, hija li jiżguraw l‑awtentiċità u l‑kwalità tajba tal‑flus fiċ‑ċirkolazzjoni. Huwa primarjament permezz tal‑edukazzjoni u t‑tixrid tal‑għarfien li l‑pajjiżi jistgħu jsaħħu l‑ġlieda kontra l‑falsifikazzjoni tal‑flus, u b'hekk inaqqsu d‑danni finanzjarji li jirriżultaw minn attivitajiet kriminali bħal dawn.
Il‑Bank jinnota li l‑użu intenzjonat ta' flus foloz huwa illegali daqskemm huwa illegali l‑istampar tagħhom. Kull min jissuspetta li rċieva karta tal‑flus falza, jew qed ifittex informazzjoni jew taħriġ dwar l‑identifikazzjoni tal‑karti tal‑flus foloz hu mitlub li jikkuntattja lill‑Currency Surveillance Unit tal‑Bank b'email jew iċempel fuq 2550 6012/6013.
The Euro - An informative guide' jinsab fuq is‑sit elettroniku tal‑Bank Ċentrali ta' Malta.
Lura lejn l-Arkivju