News

News - Stqarrijiet għall-Istampa 2016

21/04/2016

Reġistru tal-Kreditu Ċentrali

Il‑Kamra tar‑Rappreżentanti emendat l‑Att tal‑Bank Ċentrali ta' Malta (Kap. 204 tal‑Liġijiet ta' Malta) fid‑29 ta' Jannar 2016 sabiex tagħti s‑setgħa lill‑Bank Ċentrali ta' Malta li jistabbilixxi Reġistru tal‑Kreditu Ċentrali (Reġistru) f'Malta, u li joħroġ direttivi f'dan ir‑rigward għall‑istituzzjonijiet liċenzjati sabiex jipprovdu informazzjoni fuq min jissellef u jirregolaw l‑aċċess għar‑Reġistru. L‑emendi lill‑Att daħlu fis‑seħħ fil‑15 ta' Frar 2016. Ir-Reġistru ġie stabbilit permezz tad‑Direttiva numru 14 tal‑Bank Ċentrali ta' Malta, li ħarġet mill‑Bank fl‑istess ġurnata.

L‑iskop tar‑Reġistru hu li joħloq sistema ta' tqassim ta' data dwar il‑kreditu sabiex tgħin l‑istituzzjonijiet ta' kreditu fl‑analiżi tagħhom rigward l-affidabbiltà finanzjarja ta' persuni li jissellfu, kemm dawk eżistenti kif ukoll dawk prospettivi. Barra dan, ir‑Reġistru ser isostni lill‑Bank fit‑twettiq tal‑kompiti tiegħu rigward l‑istabbiltà finanzjarja. It‑twaqqif ta' Reġistru f'Malta għandu wkoll jagħti kontribut sabiex titjieb il‑klassifikazzjoni ta' Malta fl‑Ease of Doing Business Index tal‑Bank Dinji.

Filwaqt li t-tqassim tal‑informazzjoni permezz tar‑Reġistru m'għandux jitqies li qed jikser is‑segretezza bankarja u l‑obbligu ta' kunfidenzjalità taħt kwalunkwe liġi oħra, l‑istituzzjonijiet parteċipanti kollha huma meħtieġa jiżguraw li l‑informazzjoni kollha aċċessibbli mir‑Reġistru hi protetta kontra l‑użu ħażin u tibqa' sigrieta daqslikieku kienet informazzjoni dwar il‑klijenti tagħhom stess.

L‑istituzzjonijiet ta' kreditu jistgħu jaċċessaw ir‑Reġistru meta jiġu avviċinati minn klijienti prospettivi ġodda għall‑estensjoni tal‑kreditu; dwar kwalunkwe espożizzjonijiet ta' persuni li huma proposti biex jaġixxu bħala garanti f'relazzjoni ma' espożizzjoni; u lill‑partijiet relatati, ġaladarba dawn il‑klijenti jipprovdu l‑kunsens tagħhom. L‑istituzzjonijiet ta' kreditu jistgħu wkoll jaċċessaw ir‑Reġistru fir‑rigward tal‑klijenti eżistenti tagħhom. Il‑klijenti, jew ir‑rappreżentanti legali tagħhom, jistgħu jitolbu estratt tal‑informazzjoni miżmuma fuqhom fir‑Reġistru billi jagħmlu talba bil‑miktub u mbagħad imorru l‑Bank b'appuntament, u jippreżentaw l‑identifikazzjoni meħtieġa jew iċ‑ċertifikati relevanti ta' inkorporazzjoni fil‑każ ta' persuna legali. Ir‑rappreżentant legali għandu jippreżenta wkoll il‑karta tal‑identità tiegħu, biex jidentifika ruħu mal-Bank, ta' prokura jew ċertifikazzjoni oħra li tikkonferma li l‑persuna hi awtorizzata sabiex taġixxi bħala r‑rappreżentant ta' min jissellef.

Il‑Bank ħa l‑miżuri meħtieġa sabiex jiggarantixxi sistema protetta li tħares il‑ġbir, l‑ipproċessar u d‑distribuzzjoni tal‑informazzjoni disponibbli fir‑Reġistru.

Id‑data miżmuma fir‑Reġistru għandha tkun disponibbli għal numru fiss ta' snin kif stipulat fid‑Direttiva numru 14 tal‑Bank. Meta jiskadi dan il‑perjodu, l‑identifikaturi kollha li jinkludu data personali jitħassru u l‑informazzjoni tiġi anonimizzata f'konformità mal‑Att dwar il‑Protezzjoni u l‑Privatezza tad‑Data (Kap. 440 tal‑Liġijiet ta' Malta).

Ir‑Reġistru beda jopera fl‑20 ta' April 2016 abbażi ta' informazzjoni li tappartjeni għal Marzu 2016.

Lura lejn l-Arkivju