News - Stqarrijiet għall-Istampa 2016
12/04/2016
Ir-Rapport Annwali tal-Bank Ċentrali ta’ Malta għas-sena 2015
Il‑Bank Ċentrali ta' Malta għadu kif ippubblika r‑Rapport Annwali tiegħu għas‑sena 2015. Ir‑Rapport jagħti ħarsa lejn il‑policies u l‑operat tal‑Bank matul is‑sena u jinkludi rapporti finanzjarji fid‑dettall. L‑istqarrija tal‑Gvernatur hi segwita minn analiżi tal‑iżviluppi ekonomiċi u finanzjarji f'Malta u lil hinn minnha. Ir‑Rapport jinkludi wkoll artikli dwar il‑mudell makroekonometriku tal‑Bank, id‑diversifikazzjoni tal‑ekonomija Maltija u l‑impatt tar‑riformi strutturali. Dawn ir-riformi jinkludu miżuri li jippromwovu l‑parteċipazzjoni tan‑nisa u jsaħħu l-flessibbiltà fis-suq tax-xogħol, u b'hekk jiġġeneraw titjib fil-produttività.
Fl‑istqarrija tiegħu, il‑Gvernatur innota li l‑attività ekonomika globali baqgħet imrażżna matul l‑2015. Filwaqt li l‑ekonomija fiż‑żona tal‑euro kompliet tirkupra, naqas it‑tkabbir fis‑swieq emerġenti u fl‑ekonomiji ta' pajjiżi li qed jiżviluppaw. L‑iżviluppi globali ġew influwenzati mit‑tnaqqis fl-attività ekonomika Ċiniża, tnaqqis fil‑prezzijiet tal‑prodotti bażiċi u l‑bidu tan-normalizzazzjoni tal‑politika monetarja tal‑Istati Uniti, li kkuntrastaw mal‑politika monetarja akkomodattiva ta' diversi banek ċentrali ewlenin oħrajn, inkluż il‑Bank Ċentrali Ewropew (BĊE). Din id‑diverġenza fil-politika monetarja kkontribwiet għat‑tnaqqis fil‑valur tal‑euro meta mqabbel mad‑dollaru Amerikan.
It‑tnaqqis fil‑valur tal‑euro, flimkien ma' tnaqqis fil‑prezzijiet taż‑żejt u x-xejra akkomodattiva tal-politika monetarja, sostnew l‑ekonomija fiż‑żona tal‑euro. Fil‑fatt, il‑prodott domestiku gross (PDG) reali fiż‑żona tal‑euro kiber b'1.6% fl‑2015, imqabbel ma' 0.9% fl‑2014. Il‑BĊE qed ibassar li l‑ekonomija fiż‑żona tal‑euro mistennija li tikber b'1.4% fl‑2016 u b'1.7% fl‑2017.
L‑inflazzjoni fiż‑żona tal‑euro baqgħet viċin iż-żero matul is‑sena, u kienet ukoll negattiva f'diversi okkażjonijiet. Madankollu, il‑BĊE wera d‑determinazzjoni u r-rieda fit‑twettiq tal‑mandat tiegħu rigward l‑inflazzjoni. F'Marzu, il‑BĊE introduċa Programm ta' Xiri tas‑Settur Pubbliku (PSPP) u żied xiri ta' bonds tas‑settur pubbliku mal‑programm eżistenti tiegħu ta' xiri ta' assi. F'Diċembru, il‑BĊE mbagħad tawwal il‑programm u wessa' l‑iskop tiegħu, kif ukoll naqqas ir‑rata fuq il‑faċilità ta' depożitu għal ‑0.30%.
F'Marzu 2016, tħabbru aktar miżuri tal‑politika monetarja, meta l‑Kunsill Governattiv naqqas ir‑rata fuq il‑faċilità ta' depożitu għal ‑0.40%. Ir‑rata tal‑imgħax fuq l‑operazzjonijiet ewlenin ta' rifinanzjament u r‑rata fuq il‑faċilità tas‑self marġinali ġew imnaqqsa t‑tnejn b'ħames punti bażi għal 0.00% u 0.25%, rispettivament. Barra minn hekk, ix‑xiri ta' kull xahar taħt il‑programm ta' xiri ta' assi żdied minn €60 biljun għal €80 biljun, u ser jinkludi investment grade bonds denominati f'euro maħruġa minn korporazzjonijiet stabbiliti fiż‑żona tal‑euro li mhumiex banek. Minn Ġunju 2016, ser tiġi mnedija wkoll serje ġdida ta' erba' operazzjonijiet speċifiċi ta' rifinanzjament għal żmien itwal b'perjodu ta' maturità ta' erba' snin.
Għalkemm għadu kmieni sabiex wieħed janalizza kemm dawn il‑miżuri huma effettivi, kien hemm titjib fil‑kreditu lis‑settur privat taż‑żona tal‑euro, parzjalment minħabba tnaqqis fl‑ispejjeż għall‑finanzjament għan-negozju. Il‑PSPP għen ukoll biex jitnaqqsu l‑yields bla riskju. Fl‑istess waqt, l‑aġġustamenti kontinwi fil‑balance sheets tal‑banek u ammont għoli ta' self fejn il‑ħlas qiegħed b'lura (non‑performing loans) f'diversi pajjiżi jkomplu jostakolaw it‑tkabbir fis‑self.
L‑ekonomija Maltija kienet notevolment reżiljenti minkejja x-xenarju estern instabbli. Il‑PDG reali kiber b'6.3% fl‑2015 u qabeż sew il‑medja taż‑żona tal‑euro. Id‑domanda domestika kienet l‑istimolu ewlieni wara dan it‑tkabbir, primarjament permezz ta' żieda fil‑konsum u l‑investiment privat. It‑tbassir tal‑Bank jimmira lejn żieda fil‑PDG reali ta' madwar 5% u 4.2% matul l‑2016 u l‑2017 rispettivament, minħabba domanda domestika b'saħħitha.
Il‑pass b'saħħtu tat-tkabbir ekonomiku ġie rifless fis‑suq tax‑xogħol. L‑impjiegi komplew jiżdiedu, bid‑data mil‑Labour Force Survey turi żieda ta' 2.0% fl‑impjiegi fl‑ewwel disa' xhur tal‑2015. Id‑data dwar il‑popolazzjoni li taħdem bi qligħ, maħruġa mill‑Korporazzjoni għax‑Xogħol u t‑Taħriġ, ukoll turi żieda fl‑impjiegi full‑time matul l‑ewwel tmien xhur tas‑sena. Il‑qgħad kompla b'xejra 'l isfel, bir‑rata tal‑qgħad tinżel fl‑iżjed livell storikament baxx. It‑tnaqqis fir‑rata tal‑qgħad seħħ minkejja żieda fil‑provvista tal‑ħaddiema, li kienet sostnuta parzjalment minn influss ta' ħaddiema barranin u miżuri bil‑għan li tiżdied il‑parteċipazzjoni fis‑suq tax‑xogħol. Studju riċenti tal‑Bank juri li l‑proporzjon ta' ħaddiema barranin żdied għal 10.1% tal-ammont totali ta' ħaddiema fl‑2014. Il‑Gvernatur jinnota li rata aktar għolja ta' parteċipazzjoni qed issaħħaħ is‑sostenibbiltà tal‑pensjonijiet, u ż-żieda tal-proporzjon ta' anzjani fil‑popolazzjoni tibqa' kwistjoni li jistħoqqilha attenzjoni kontinwa.
Fir‑rigward tal‑iżviluppi fil‑prezzijiet, ir‑rata medja tal‑inflazzjoni f'Malta bbażata fuq l‑Indiċi Armonizzat tal‑Prezzijiet għall‑Konsumatur (HICP) telgħet għal 1.2% fl‑2015 minn 0.8% fl‑2014. Iż‑żieda seħħet l‑aktar minħabba żviluppi fil‑prezzijiet tal‑ikel mhux ipproċessat. Għalkemm il‑pressjonijiet fuq il‑prezzijiet f'Malta kienu pjuttost stabbli meta mqabbla max‑xejriet storiċi, ir‑rata annwali tal‑inflazzjoni baqgħet ogħla minn dik taż‑żona tal‑euro iżda aktar viċin il‑mira tal‑BĊE għal inflazzjoni ta' inqas iżda viċin it‑2%. Ir‑rata annwali tal‑inflazzjoni hi mistennija li tibqa' l‑istess fil‑livell ta' 1.2% fl‑2016, qabel ma titla' għal 1.8% fl‑2017.
Fir‑rigward tal‑iżviluppi fiskali, il‑Bank jistma li d‑defiċit tal‑gvern ġenerali naqas għal 1.6% tal‑PDG fl‑2015, filwaqt li l‑proporzjon tad‑dejn tal‑gvern naqas għal 63.6%. It‑tnejn huma mistennija li jkomplu jonqsu fis‑sentejn li ġejjin. Minħabba x‑xenarju ekonomiku favorevoli, dan huwa żmien xieraq għall‑introduzzjoni ta' buffers fiskali li jipprovdu, jekk meħtieġ, għal aġġustamenti baġitarji futuri mingħajr ma jinkisru r‑regoli fiskali.
Fir‑rigward tas‑settur bankarju Malti, il‑Gvernatur innota li l‑banek Maltin isegwu mudell prudenti tan‑negozju, u jibqgħu kkapitalizzati sew, bil‑capital adequacy ratio jaqbeż b'mod sinifikanti l‑minimu regolatorju. Barra minn hekk, il‑likwidità tagħhom hi għolja u l‑portafolli tagħhom huma diversifikati sew. Minbarra dan, l-użu għall‑finanzjament interbankarju u tal‑Eurosistema baqa' moderat. F'termini ta' solidità tal‑banek, Malta kklassifikat mal‑ewwel ħmistax‑il pajjiż fid‑dinja skont il‑World Economic Forum. Fil‑fatt, Malta tipparaguna relattivament tajjeb ma' kontropartijiet Ewropej f'termini ta' diversi indikaturi ta' solidità.
Fil‑bidu tal‑2016 l‑awtoritajiet Maltin introduċew żewġ buffers kapitali makroprudenzjali sabiex tkompli tissaħħaħ ir-reżiljenza tal-banek. Dawn huma l‑buffer kontroċikliku tal‑kapital u l-buffer applikat għal Istituzzjonijiet ta' Importanza Sistemika, b'dan tal‑aħħar ikun introdott gradwalment matul perjodu ta' erba' snin.
Rigward l‑iżviluppi fl‑assi, il-portafoll tas‑self baqa' l‑komponent ewlieni għall‑core domestic banks, minkejja tkabbir anqas mgħaġġel fis‑self matul is‑sena. Ix‑xenarju ta' rata baxxa tal‑imgħax kompla joħloq sfida għall‑qligħ tal‑banek madwar l‑Unjoni Ewropea. Madankollu, il‑qligħ fuq l‑assi u l‑qligħ fuq l‑ishma tas‑settur bankarju f'Malta kienu 0.8% u 5.7%, rispettivament. Il‑qligħ fuq l‑assi tal‑core domestic banks kien 0.7%, bil‑qligħ fuq l‑ishma jkun 9.9%.
Il‑Gvernatur aċċenna li l‑kompetizzjoni fi ħdan is‑settur bankarju għandha implikazzjonijiet importanti ta' politika monetarja. B'mod partikolari, ir‑rati tas‑self lill‑intrapriżi żgħar u medji baqgħu ogħla minn dawk f'pajjiżi oħra fiż‑żona tal‑euro, u ma bbenefikawx minn livell mixtieq ta' trażmissjoni mit‑tnaqqis fir‑rata tal‑imgħax stimolat mill‑politika monetarja. Rapport riċenti mill‑Awtorità ta' Malta għall‑Kompetizzjoni u għall‑Affarijiet tal‑Konsumatur jagħmel diversi rakkomandazzjonijiet fuq kwistjonijiet relatati ma' trasparenza tal‑prezzijiet, ostakli għal tkabbir u l‑mobilità tal‑konsumatur, filwaqt li l‑Bank qed jipparteċipa wkoll f'diskussjonijiet mal‑core domestic banks sabiex titjieb is‑sitwazzjoni. Minbarra dan, il‑Bank se jniedi u jopera Reġistru tal‑Kreditu Ċentrali nazzjonali bħala rimedju effettiv għall-asimmetriji tal-informazzjoni fost selliefa u bejn min jissellef u selliefa.
Fir‑rigward tal‑operat tiegħu bħala membru tal‑Eurosistema, il‑Bank jagħti kontribut fit‑tfassil tal‑politika monetarja fiż‑żona tal‑euro permezz tal‑parteċipazzjoni tal‑Gvernatur fil‑Kunsill Governattiv tal‑BĊE, u anke permezz tal‑kontribut tal‑impjegati f'diversi kumitati tas‑Sistema Ewropea tal‑Banek Ċentrali. Il‑Bank hu responsabbli wkoll għall‑implimentazzjoni f'Malta tal‑politika monetarja unika, kif tiġi deċiża mill‑Kunsill Governattiv. Fl‑implimentazzjoni tal‑PSPP f'Malta, matul l‑2015 il‑Bank waqqaf portafoll iddedikat għat‑titoli ta' dejn tal‑Gvern ta' Malta filwaqt li assigura li r‑riżervi qed jiġu akkumulati sabiex jipprovdu buffer kontra r‑riskju relatat ma' dawn l‑investimenti. Sa minn Marzu 2015, ix-xiri totali ta' titoli tal-Gvern ta' Malta taħt il‑PSPP laħaq valur fil-kotba ta' €417.0 miljun.
Fid‑dawl ta' xenarju ta' yields baxxi, il‑Bank adotta strateġija finanzjarja li ttaffi r‑riskju ta' reinvestment, filwaqt li kompla jżid l‑assi tiegħu ta' investiment. Minkejja dħul aktar baxx mill‑imgħax, il‑qligħ mill‑operat qabel it‑trasferimenti għal provvedimenti u riżervi żdied matul l‑2014 u laħaq €75.0 miljun. Fid‑dawl ta' portafoll akbar ta' assi ta' investiment, u fil‑kuntest ta' inċertezza kontinwa fis‑swieq finanzjarji, il‑Bank żied il‑provvedimenti tiegħu b'€16.1 miljun, u ttrasferixxa wkoll €8.9 miljun fir-riżervi. Il‑Bank għadda l‑ammont ta' €50.0 miljun lill‑Gvern ta' Malta.
Ir‑Rapport Annwali għall‑2015 jinsab fuq is‑sit elettroniku tal‑Bank Ċentrali ta' Malta www.centralbankmalta.org.
Lura lejn l-Arkivju