News

News - Stqarrijiet għall-Istampa 2016

26/02/2016 19:00:00

Simpożju u t-Tnedija ta’ Programm għall-2016 dwar Ħruġ ta’ Muniti

Il‑Bank Ċentrali ta' Malta qed jintroduċi l‑programm tiegħu għall‑2016 dwar ħruġ ta' muniti li jinkludi l‑prodotti li ġejjin:

  • Munita numiżmatika tad‑deheb u l‑fidda maħruġa taħt l‑Europa Star Programme. It‑tema ta' din is‑sena ser tkun l‑arti tas‑seklu għoxrin, u l‑muniti ser juru skultura ta' Antonio Sciortino tal‑1937 bl‑isem ta' 'Dangerous Sport'.
  • Munita numiżmatika tal‑fidda li tfakkar l‑450 anniversarju mit‑twaqqif tal‑Belt Valletta fl‑1566.
  • Sett ta' muniti tal‑euro datat 2016 li jikkonsisti fit‑tmien muniti tal‑euro Maltin fiċ‑ċirkolazzjoni u munita kommemorattiva taż‑€2, li turi t‑tempji tal‑Ġgantija. Il‑munita kommemorattiva taż‑€2 ser ikollha marka speċjali taz‑zekka.
  • Munita kommemorattiva taż‑€2 li turi t‑tempji megalitiċi tal‑Ġgantija f'Għawdex. Din ser tkun l‑ewwel minn serje ta' seba' muniti li ser ikunu ddedikati għat‑tempji preistoriċi ta' Malta. Il‑muniti ser joħorġu fi stoċċijiet ta' 25 munita kull wieħed, kif ukoll individwalment bħala coin cards, b'dawn tal‑aħħar ikollhom marka taz‑zekka.
  • Munita numiżmatika tad‑deheb li turi l‑munita 4 tari tar‑ram, li kienet magħrufa bħala "Patakka". Dawn il‑muniti kienu maħruġa mill‑Ordni ta' San Ġwann, u komplew jiċċirkolaw f'Malta sal‑bidu tal‑perjodu Ingliż. Din il‑munita ser toħroġ taħt il‑programm "L‑Iżgħar Munita tad‑Deheb".
  • Munita kommemorattiva taż‑€2 li ser turi d‑disinn rebbieħ ta' kompetizzjoni li se ssir għat‑tfal tal‑iskola, bit‑tema ta' "Solidarjetà bl‑Imħabba". Il‑kompetizzjoni ser tiftaħ it‑Tnejn 29 ta' Frar u tagħlaq fil‑11 ta' Marzu 2016. Il‑muniti ser joħorġu fi stoċċijiet ta' 25 munita kull wieħed, kif ukoll individwalment bħala coin cards, b'dawn tal‑aħħar ikollhom marka taz‑zekka. Il‑qligħ mill‑bejgħ tal‑coin cards ser imur kollu għall‑Malta Community Chest Fund.

Flimkien mat‑tnedija tal‑programm tiegħu għall‑2016 dwar ħruġ ta' muniti, il‑Bank ospita simpożju 'Mill‑Preistorja għall‑Modernità' fis‑26 ta' Frar 2016, ippresedut mill‑Professur Henry Frendo, fejn panel ta' kelliema esperti fl‑oqsma rispettivi tagħhom iddiskutew aspetti tat‑temi diversi tal‑programm tal‑muniti. Il‑Gvernatur tal‑Bank Ċentrali ta' Malta, il‑Professur Josef Bonnici, għalaq is‑simpożju billi rrifletta dwar ir-reżiljenza tal-ekonomija u l-kultura Maltija tul l-istorja, u dwar kif it-tkabbir ekonomiku jista' jiġi żviluppat fil-futur. Il-Gvernatur innota wkoll li fl-isfond ekonomiku dinamiku tal-lum, is-saħħa tal-ekonomija tal-gżejjer Maltin tista' tinżamm permezz ta' diversifikazzjoni fl-esportazzjoni tal-prodotti u s-servizzi, u permezz ta' tkabbir fl-attivitajiet eżistenti, kif ukoll bl-identifikazzjoni ta' setturi tas-servizzi u swieq ġodda.

Flimkien mat‑tnedija tal‑programm dwar ħruġ ta' muniti, il‑Bank Ċentrali ta' Malta ser ikun qed jintroduċi wkoll faċilità ta' e‑shop, li permezz tiegħu l‑kollezzjonisti, kif ukoll persuni oħra interessati, ikunu jistgħu jixtru muniti u prodotti oħra online. L‑e‑shop jista' jiġi aċċessat hawnhekk.

Għal iżjed informazzjoni, il‑pubbliku hu ġentilment mitlub jikkuntattja lill‑Malta Coins Distribution Centre billi jibgħat email jew iċempel fuq (+356) 2550 6006/7/8.

Lura lejn l-Arkivju