News - Stqarrijiet għall-Istampa 2016
08/02/2016
Tagħrif ta’ kull sitt xhur dwar il-falsifikazzjoni tal-karti tal-flus tal-euro f’Malta
Fit‑tieni nofs tal‑2015, ġew irrappurtati lill‑Bank Ċentrali ta' Malta 2,569 karta tal‑euro falza. B'hekk, għas‑sena 2015, l‑ammont totali ta' karti tal‑flus foloz irtirati miċ‑ċirkolazzjoni laħaq l‑4,930 (2014: 1,497 karta tal-flus falza). Dan l‑ammont jinkludi qabda sostanzjali mill‑pulizija ta' 1,075 karta tal‑flus falza f'Mejju 2015.
Meta jitqabbel mal‑għadd ta' karti tal‑euro ġenwini fiċ‑ċirkolazzjoni f'Malta (medja ta' ftit aktar minn 10.97 miljun fit‑tieni nofs tal‑2015), il‑proporzjon ta' karti tal‑euro foloz għadu baxx ħafna. Hu baxx ukoll (0.58%) bħala proporzjon tal‑ammont totali tal-karti tal‑flus foloz maqbuda fiż‑żona tal‑euro kollha kemm hi matul l‑istess perjodu li, skont l‑istqarrija għall‑istampa tal‑Ġimgħa 22 ta' Jannar maħruġa mill‑Bank Ċentrali Ewropew, ammontaw għal 445,000 karta tal-flus.
Mill‑karti kollha tal‑flus tal‑euro foloz maqbuda f'Malta matul it‑tieni nofs tas‑sena, il‑karta tal‑€20 tibqa' l‑iktar denominazzjoni ffalsifikata u tammonta għal 41.9% tat‑total tal‑flus foloz maqbuda. Matul dan il‑perjodu, il‑proporzjon tal‑karta tal‑€50 żdied filwaqt li tal‑€100 naqas drastikament. Madankollu, il‑proporzjon fis‑suq tal‑karta tal‑€10 ikompli jiżdied b'mod sinifikanti u issa jammonta għal 31.6% tal‑karti kollha tal‑flus misjuba fiċ‑ċirkolazzjoni.
It‑tabella tipprovdi analiżi perċentwali tal‑ammont totali ta' flus foloz irtirati miċ‑ċirkolazzjoni fit‑tieni nofs tal‑2015, skont id‑denominazzjonijiet u mqabbla ma' dawk irtirati fiż‑żona tal‑euro kollha kemm hi.
|
|
€5
|
€10
|
€20
|
€50
|
€100
|
€200
|
€500
|
Analiżi Perċentwali
|
Żona tal‑Euro
|
1.1
|
3.0
|
46.2
|
37.1
|
10.1
|
1.2
|
1.3
|
Malta
|
0.1
|
31.6
|
41.9
|
23.9
|
2.3
|
0.1
|
0.1
|
Minkejja l‑livell baxx ta' flus foloz irrapportati lokalment, il‑Bank Ċentrali ta' Malta jibqa' jwissi lill‑pubbliku biex joqgħod attent meta jagħmel tranżazzjonijiet bi flus kontanti. Il‑karti tal‑flus ġenwini jintgħarfu faċilment permezz tat‑test "FEEL‑LOOK‑TILT" kif spjegat fuq is‑sit elettroniku tal‑Bank Ċentrali ta' Malta. Il‑Bank hu disponibbli biex jipprovdi kull tip ta' għajnuna, inkluż taħriġ lil kwalunkwe entità lokali li tista' teħtieġ din l‑assistenza.
Fil‑qasam tal‑professjonisti fil‑maniġġ tal‑flus, il‑Bank kompla bil‑programm tiegħu ta' ċertifikazzjoni permezz tat-taqsimiet e‑learning dwar il-flus u l‑prevenzjoni tal‑ħasil tal‑flus. Barra minn hekk, iI‑Bank ħareġ pubblikazzjoni li tenfasizza l‑karatteristiċi ewlenin ta' sigurtà tal‑karti tal‑flus ġenwini tal‑euro sabiex jgħin lill‑pubbliku inġenerali jagħraf il‑flus suspettużi. Din il‑pubblikazzjoni tista' tinkiseb mill‑Bank.
Kull min jirċievi karta tal‑flus suspettuża għandu jċempel lill‑pulizija fuq 2122 4001, jew lill‑Bank Ċentrali ta' Malta fuq 2550 6012/13, jew jibgħat email lill‑Bank.
Lura lejn l-Arkivju