News - Stqarrijiet għall-Istampa 2015
14/11/2015
Riżultati ta’ Evalwazzjoni Komprensiva
Il‑Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) ippubblika r‑riżultati tal‑eżerċizzju ta' Evalwazzjoni Komprensiva li sar fuq disa' banek li jinsabu fi tmien Stati Membri li jipparteċipaw fil‑Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (MSU), li jaqgħu taħt, jew li x'aktarx se jaqgħu taħt, superviżjoni diretta mill‑BĊE.
Simili għall‑eżerċizzju li sar fl‑2014, l‑aħħar Evalwazzjoni Komprensiva kienet tikkonsisti f'żewġ komponenti, jiġifieri analiżi tal‑Kwalità tal‑Assi (AQR) u Stress Test (ST) fuq il‑bażi ta' metodoloġiji mfasslin mill‑BĊE. Wieħed mid‑disa' banek inklużi fl‑Evalwazzjoni Komprensiva involva istituzzjoni ta' kreditu liċenzjata mill‑Awtorità għas‑Servizzi Finanzjarji ta' Malta (MFSA). L‑istituzzjoni ta' kreditu hi l‑Medifin Holding Ltd, il‑kumpanija holding tal‑Mediterranean Bank plc, u s‑sussidjarji tagħha l‑Mediterranean Corporate Bank Ltd, u l‑MeDirect Bank SA stabbilit fil‑Belġju. B'hekk, abbażi tal‑kriterji stabbiliti mill‑BĊE, il‑Medifin Holding Ltd ser tiġi kklassifikata bħala istituzzjoni sinifikanti u sorveljata direttament mill‑BĊE minn Jannar 2016.
Il‑Medifin Holding Ltd bdiet l‑eżerċizzju bi proporzjon tal‑Grad 1 ta' Ekwità Komuni (CET1) ta' 10.72%. L‑AQR irriżulta f'aġġustament 'l isfel ta' 87 punt bażi, sabiex b'hekk il‑proporzjon tal‑kapital tas‑CET1 ta' 9.85% wara l‑AQR, baqa' ogħla mil‑livell minimu ta' 8%.
Sadattant, l‑impatt tal‑iStress Test ġie stmat fil‑livell ta' 125 punt bażi taħt xenarji aktar normali, u fil‑livell ta' 473 punt bażi taħt xenarji negattivi. Minħabba li l‑Grupp irreġistra profitti matul il‑perjodu minn Ottubru 2014 sa Awwissu 2015, il‑Medifin Holding Ltd żiedet il‑kapital tagħha tas‑CET 1 permezz ta' kontribut għall‑kapital ta' €28.7 miljun mill‑azzjonisti. Għalhekk, ir‑riżultati tal‑iStress Test juru li taħt ix‑xenarji negattivi, inkluż l‑impatt sħiħ tal‑AQR, il‑proporzjon tal‑kapital tas‑CET1 tal‑Medifin kien ogħla mil‑livell minimu ta' 5.5% fl‑aħħar ta' Settembru 2015, id‑data stabbilita għat‑tmiem tas‑sottomissjoni tad‑disclosure template għall‑Evalwazzjoni Komprensiva.
Ir‑riżultati tal‑Evalwazzjoni Komprensiva għall‑Medifin Holding Ltd jistgħu jiġu aċċessati permezz tas‑siti elettroniċi tal‑Bank Ċentrali ta' Malta u tal‑Awtorità għas‑Servizzi Finanzjarji ta' Malta, rispettivament.
Aktar informazzjoni dwar l‑Evalwazzjoni Komprensiva u r‑riżultati kollha tad‑disa' banek li pparteċipaw f'dan l‑eżerċizzju jinsabu fuq is‑sit elettroniku tal‑BĊE.
Evalwazzjoni Komprensiva tal-BĊE
Lura lejn l-Arkivju