News - Stqarrijiet għall-Istampa 2015
24/12/2015
Pubblikazzjoni tar-Rapport Interim dwar l-Istabbiltà Finanzjarja 2015
Il‑Bank Ċentrali ta' Malta ppubblika r‑Rapport Interim dwar l‑Istabbiltà Finanzjarja 2015, li jkopri l‑iżviluppi fis‑settur bankarju, tal‑assigurazzjoni u tal‑fondi ta' investiment għall‑ewwel sitt xhur tal‑2015.
Dan ir-Rapport Interim jippreżenta l‑isfond ekonomiku li fih kienet qed topera s‑sistema finanzjarja Maltija. Minkejja ftit titjib fiż‑żona ewro, l‑iżviluppi ekonomiċi internazzjonali baqgħu stabbli, filwaqt li l‑ekonomiji ta' pajjiżi li qed jiżviluppaw battew ftit. Ir‑Rapport jinkludi analiżi tal‑oqsma differenti tas‑settur finanzjarju u janalizza r‑reżiljenza tagħhom għal riskji potenzjali. Sa mill‑pubblikazzjoni tar‑Rapport dwar l‑Istabbiltà Finanzjarja għall‑2014, ma kien identifikat ebda riskju ġdid li jista' jaffettwa l‑istabbiltà tas‑sistema finanzjarja Maltija. L‑istabbiltà finanzjarja mistennija li tkompli tissaħħaħ u tibqa' pożittiva għaż‑żmien li ġej, sostnuti minn andament ekonomiku b'saħħtu u kundizzjonijiet favorevoli fis‑suq tax‑xogħol.
Fl‑ewwel sitt xhur tas‑sena, il‑core domestic banks irrapportaw titjib fil‑qligħ permezz ta' żidiet fid‑dħul nett mill‑imgħax u kif ukoll minn dħul ieħor, għalkemm spejjeż oħra, li mhumiex imgħax, żdiedu wkoll prinċipalment minħabba regoli bankarji aktar strinġenti. Il‑balance sheet tal‑core domestic banks kibret, primarjament iffinanzjata minn żieda fid‑depożiti tal‑klijenti. Dawn il‑banek komplew jesperjenzaw livelli għolja ta' likwidità. Il‑livell tal‑kapital baqa' b'saħħtu u jisboq il‑minimu mitlub mir‑regoli. Il‑proporzjon tas‑self fejn il‑ħlas qiegħed b'lura (NPLs) beda jonqos, u b'hekk reġġa' lura andament ta' żieda f'dan il‑proporzjon li kien beda fil‑kriżi finanzjarja internazzjonali. Sadanittant, il‑core domestic banks komplew iżidu l‑livelli ta' provvedimenti, u b'hekk, saħħew aktar il‑coverage ratios tagħhom. L‑eżerċizzji ta' stress (univariate stress tests), li saru fuq il‑kapital u l‑likwidità tal‑core domestic banks, ikkonfermaw il‑kapaċità tal‑banek biex jassorbu xokkijiet akbar fis‑sistema finanzjarja. Il‑qagħda finanzjarja tan‑non‑core domestic banks u tal‑banek internazzjonali baqgħet b'saħħitha wkoll, fejn l‑impatt potenzjali ta' dawn iż‑żewġ gruppi fuq il‑bqija tas‑sistema finanzjarja jibqa' wieħed limitat. Barra minn hekk, ma kienx hemm riskji ġodda ġejjin mis‑setturi tal‑assigurazzjoni u tal‑fondi ta' investiment.
Minkejja l‑prestazzjoni pożittiva tagħhom, il‑banek iridu jibqgħu kawti, partikolarment sabiex jitnaqqsu aktar il‑livelli tal‑NPLs u fl‑istess waqt ikomplu jsaħħu l‑coverage ratios tagħhom. F'dan ir‑rigward, ir‑rakkomandazzjonijiet proposti fir‑Rapport dwar l‑Istabbiltà Finanzjarja għall‑2014 għall-banek reġgħu ġew ikkonfermati; jiġifieri dak li għandhom ikomplu jagħmlu ħilithom biex inaqqsu l‑NPLs u jkomplu jtejbu l‑coverage ratios tagħhom; isaħħu l‑prattiċi tal‑valutazzjoni tal‑garanzija fuq is‑self; u jkunu prudenti fit‑tqassim ta' dividendi bl‑għan li jissaħħu aktar ir‑riżervi tagħhom. Dan tal‑aħħar huwa mħeġġeġ fid‑dawl tal‑implimentazzjoni ta' regoli biex jissaħħaħ il‑kapital fil‑qafas ta' CRR/CRD IV, implimentat fir‑Regola Bankarja 15/2015 u fid‑Direttiva Nru 11 tal‑Bank Ċentrali ta' Malta ‑ Politika Makroprudenzjali, kif emendata fl‑2014, kif ukoll biex jissodisfaw ir‑rekwiżiti minimi tal‑kapitali u obbligazzjonijiet oħra eleġibbli (MREL).
Ir‑Rapport Interim dwar l‑Istabbiltà Finanzjarja 2015 jinsab fuq is‑sit elettroniku tal‑Bank Ċentrali ta' Malta www.centralbankmalta.org
Lura lejn l-Arkivju