News - Stqarrijiet għall-Istampa 2015
18/12/2015
Ħruġ ta’ Munita Kommemorattiva taż-€2 Li Tfakkar it-30 Anniversarju tal-Bandiera tal-Unjoni Ewropea
Fit-18 ta' Diċembru 2015, il‑Bank Ċentrali ta' Malta ser joħroġ munita kommemorattiva taż‑€2 li tfakkar it‑tletin anniversarju tal‑bandiera tal‑UE. Din il‑munita hija waħda minn serje ta' muniti li ħarġu fil‑pajjiżi kollha taż‑żona tal‑euro matul l‑2015. Il‑muniti kollha, irrispettivament mill‑pajjiż ta' ħruġ, għandhom disinn komuni maħdum minn Georgios Stamatopoulos tal‑Bank of Greece. Id‑disinn rebbieħ intgħażel permezz ta' vot pubbliku online.
Din hija r‑raba' ħarġa kollettiva ta' munita kommemorattiva taż‑€2 minn pajjiżi taż‑żona tal‑euro sa mill‑2007, u ser tkun it‑tielet ħarġa għal Malta li adottat l‑euro fl‑2008.
Il‑muniti kommemorattivi Maltin, li nħadmu mir‑Royal Dutch Mint, ser joħorġu għaċ‑ċirkolazzjoni fi stoċċijiet ta' 25 munita kull wieħed. Il‑muniti ser juru l‑marka taz‑zekka tar‑Royal Dutch Mint, kif ukoll il‑marka tal‑istampatur taz‑zekka.
Il‑Bank ser jikkuntattja 'l dawk kollha li diġà għamlu l‑ordni tagħhom biex jinfurmahom bl‑allokazzjoni tagħhom u l‑ġranet meta jkunu jistgħu jiġbru l‑muniti tagħhom. Il‑muniti jistgħu jinġabru mill‑Malta Coins Distribution Centre fil‑bini prinċipali tal‑Bank Ċentrali ta' Malta. Għal aktar tagħrif, il‑pubbliku hu ġentilment mitlub jikkuntattja lill‑Malta Coins Distribution Centre billi jibgħat email jew iċempel fuq (+356) 2550 6007/6013.
Lura lejn l-Arkivju