News

News - Stqarrijiet għall-Istampa 2015

13/04/2015

Ir-Rapport Annwali tal-Bank Ċentrali ta’ Malta għas-sena 2014

Il‑Bank Ċentrali ta' Malta għadu kif ippubblika r‑Rapport Annwali tiegħu għas‑sena 2014. Ir‑Rapport jagħti ħarsa lejn il‑policies u l‑operat tal‑Bank matul is‑sena u jinkludi rapporti finanzjarji fid‑dettall. L‑istqarrija tal‑Gvernatur hi segwita minn analiżi tal‑iżviluppi ekonomiċi u finanzjarji f'Malta u lil hinn minnha. Ir‑Rapport jinkludi wkoll artiklu dwar mezzi ta' pagamenti użati mill‑Maltin, u jinkludi kontribuzzjonijiet dwar il‑pagi u l‑prezzijiet f'Malta, il‑bidla strutturali fl‑ekonomija lokali u l‑aċċess tal‑kumpaniji għall‑finanzi.

Ir‑Rapport josserva li l‑ekonomija globali kienet reżiljenti matul l‑2014, għalkemm il‑pass ta' rkuprar varja fost l‑ekonomiji ewlenin. Iż‑żona tal‑euro rritornat għal tkabbir pożittiv, hekk kif il‑prodott domestiku gross (PDG) tela' b'0.9%, imqabbel ma' tnaqqis ta' 0.5% fl‑2013. Madankollu, l‑irkupru fiż‑żona tal‑euro baqa' dgħajjef meta mqabbel ma' ekonomiji avvanzati oħrajn.

L‑inflazzjoni fiż‑żona tal‑euro saret waħda negattiva lejn l‑aħħar tal‑2014 u kienet ‑0.2% f'Diċembru. Din ix‑xejra diżinflazzjonarja seħħet minħabba prezzijiet orħos tal‑enerġija, għalkemm l‑inflazzjoni, mingħajr l‑enerġija, naqset ukoll. Bit‑tnaqqis fil‑prezzijiet taż‑żejt u fi sfond ta' rkupru moderat, hemm ir‑riskju li l‑inflazzjoni tkompli tonqos taħt l‑oġġettiv tal‑istabbiltà tal‑prezzijiet preskritt mill‑Bank Ċentrali Ewropew (BĊE).

B'reazzjoni għal dan, il‑BĊE segwa xejra aktar akkomodattiva tal‑politika monetarja, bl‑użu ta' miżuri kemm konvenzjonali kif ukoll straordinarji. Il‑BĊE naqqas ir‑rati ewlenin tal‑imgħax f'żewġ okkażjonijet matul l‑2014, bir‑rata tal‑imgħax fuq l‑operazzjonijiet prinċipali ta' rifinanzjament tkun fl‑iżjed livell storikament baxx ta' 0.05%. Bir‑rati ewlenin tal‑imgħax jinżlu fl‑iżjed livell baxx ta' 0%, il‑BĊE daħħal aktar miżuri straordinarji. Dawn inkludew impenn kondizzjonali mill‑BĊE fuq id‑direzzjoni futura tar‑rati ewlenin tal‑imgħax, kif ukoll ix‑xiri ta' asset‑backed securities u covered bonds. Minbarra dan, il‑BĊE introduċa operazzjonijet ta' rifinanzjament immirat u fuq żmien twil lill‑banek għal self ġdid lin‑negozji. Barra minn hekk, f'Jannar 2015, il‑BĊE ħabbar programm estiż ta' xiri ta' assi. Dawn il‑miżuri ġodda juru d‑determinazzjoni tal‑BĊE sabiex iressaq ir‑rata tal‑inflazzjoni qrib it‑2%. Dawn id‑deċiżjonijiet ittieħdu b'reazzjoni għal prospetti dgħajfa għall‑inflazzjoni, ritmu żgħir ta' tkabbir fiż‑żona tal‑euro, kif ukoll minħabba dinamika monetarja u tal‑kreditu mrażżna.

Minkejja li l‑isfond estern għadu inċert, l‑ekonomija Maltija kompliet turi prestazzjoni aqwa minn dik taż‑żona tal‑euro, bit‑tkabbir fil‑PDG f'termini reali jaċċellera għal 3.5% fl‑2014, minn 2.7% sena qabel. L‑espansjoni matul l‑2014 seħħet prinċipalment minħabba tkabbir fid‑domanda domestika, hekk kif kien hemm żieda qawwija fl‑investiment privat, fil‑konsum privat u fl‑infiq tal‑gvern. Il‑kontribut tal‑esportazzjoni netta għat‑tkabbir kien kemxejn negattiv.

Skont il‑Labour Force Survey, l‑impjiegi f'Malta matul l‑ewwel disa' xhur tal‑2014 kienu f'medja ta' 2.2% aktar minn sena qabel. Ir‑rata tal‑qgħad kienet f'medja ta' 5.9% matul dan il‑perjodu, nofs punt perċentwali inqas mil‑livell fl‑istess perjodu tal‑2013.

Fir‑rigward tal‑iżviluppi fil‑prezzijiet, ir‑Rapport jinnota li r‑rata medja tal‑inflazzjoni f'Malta bbażata fuq l‑Indiċi Armonizzat tal‑Prezzijiet għall‑Konsumatur (HICP) battiet minn 1.0% fl‑2013 għal 0.8% fl‑2014. It‑tnaqqis seħħ l‑aktar minħabba tnaqqis fil‑prezzijiet tal‑enerġija, li rrifletta t‑tnaqqis fit‑tariffi tal‑elettriku, kif ukoll it‑tkabbir b'pass inqas mgħaġġel fil‑prezzijiet tal‑ikel.

Fir‑rigward tal‑iżviluppi fiskali, il‑Bank jistima li d‑defiċit tal‑gvern ġenerali fl‑2014 naqas għal 2.2% tal‑PDG, filwaqt li d‑dejn tal‑gvern hu stmat li naqas għal 68.4% tal‑PDG.

Għall‑2015 u l‑2016, il‑Bank ibassar li l‑espansjoni ekonomika ser tibqa' tkun sostnuta, bil‑PDG f'termini reali mistenni li jiżdied bi 3.4% u bi 2.8% rispettivament. It‑tkabbir hu mistenni li jseħħ minħabba d‑domanda domestika, partikolarment il‑konsum privat u l‑investiment privat. Il‑Bank jistenna li l‑inflazzjoni titla' għal 1.9% fl‑2016. Id‑defiċit tal‑gvern ġenerali hu mistenni li jkompli jonqos, u dan jirriżulta f'aktar tnaqqis fil‑proporzjon tad‑dejn tal‑gvern għall‑PDG.

Fir‑rigward tas‑settur bankarju Malti, ir‑Rapport jinnota li dan ikkontribwixxa għar‑reżiljenza tal‑ekonomija lokali. F'termini ta' solidità tal‑banek, Malta kklassifikat fl‑għaxar post fid‑dinja skont it‑2014 World Economic Forum. Il‑Capital Adequacy Ratio tal‑banek Maltin baqa' ferm ogħla mill‑minimu regolatorju ta' 8%, filwaqt li l‑finanzjament baqa' jiddependi minn sorsi stabbli. Is‑settur bankarju Malti hu profittabbli, bil‑core domestic banks jirrapportaw qligħ fuq ishma u assi li huwa ħafna aħjar mill‑medja tal‑UE.

Rigward l‑iżviluppi fl‑assi, il‑kreditu estiż mill‑core domestic banks irpilja fl‑2014, l‑aktar minħabba s‑suq tas‑self għax‑xiri tad‑djar. Madankollu, ir‑rati għas‑self kienu ogħla minn dawk f'pajjiż oħra taż‑żona tal‑euro, partikolarment għal intrapriżi żgħar u medji (SMEs). Dan huwa indikazzjoni ta' trażmissjoni inkompleta tal‑miżuri akkomodattivi tal‑politika monetarja. Madankollu, kien hemm reazzjoni akbar mill‑banek hekk kif ir‑rati għas‑self niżlu b'mod moderat matul l‑2014. Il‑banek ipparteċipaw ukoll f'inizjattivi sabiex l‑SMEs jitħajru jissellfu. It‑twaqqif ta' bank għall‑iżvilupp għandu jikkomplementa l‑attivitajiet tal‑banek billi jipprovdi aktar aċċess għall‑iffinanzjar, speċjalment għall‑SMEs.

Għall‑futur, il‑programm estiż ta' xiri ta' assi mħabbar mill‑BĊE għandu jnaqqas il‑piż tal‑imgħax fuq dejn ġdid, u jinkoraġġixxi s‑self lis‑settur privat b'termini aħjar.

Minbarra l‑benefiċċji ta' tnaqqis fl‑ispejjeż tas‑self, l‑ekonomija Maltija għandha tibbenefika mill‑pressjoni 'l isfel fuq il‑valur tal‑euro li jagħmel l‑ekonomija aktar kompetittiva meta mqabbla ma' pajjiżi barra ż‑żona tal‑euro. Madankollu, huwa importanti li l‑miżuri akkomodattivi tal‑politika monetarja m'għandhomx jitħallew jaljenaw lill‑awtoritajiet milli jsegwu fatturi determinanti oħra ta' kompetittività, riformi strutturali essenzjali u l‑konsolidament fiskali adegwat.

Fir‑rigward tal‑operat tiegħu bħala membru tal‑Eurosistema, il‑Bank jagħti kontribut fit‑tfassil tal‑politika monetarja fiż‑żona tal‑euro permezz tal‑parteċipazzjoni tal‑Gvernatur fil‑Kunsill Governattiv tal‑BĊE, u anke permezz tal‑kontribut tal‑impjegati f'diversi kumitati tas‑Sistema Ewropea tal‑Banek Ċentrali. Il‑Bank hu responsabbli wkoll għall‑implimentazzjoni f'Malta tal‑politika monetarja unika, kif tiġi deċiża mill‑Kunsill Governattiv.

L‑istqarrija tal‑Gvernatur tinnota li għall‑iskop tal‑kontribut li l‑Bank jagħti fit‑tfassil tal‑politika monetarja kif ukoll biex jippromwovi dibattitu infurmat dwar il‑politika monetarja, il‑Bank għandu jibbenefika minn tisħiħ fit‑tbassir u fir‑riċerka u minn titjib fil‑pubblikazzjonijiet tiegħu. Fl‑2014, il‑Bank għamel għadd ta' passi f'din id‑direzzjoni li jinkludu r‑riorganizzazzjoni ta' riżorsi, sit elettroniku ta' kwalità ogħla, u firxa aktar wiesgħa ta' analiżi u riċerka fil‑pubblikazzjonijiet tiegħu.

Matul l‑2014, il‑Bank kompla jagħti kontribut għall‑comprehensive assessment tal‑BĊE, li kien jinkludi eżerċizzju ta' stress test. Tliet banek lokali kienu fost il‑parteċipanti f'din il‑valutazzjoni. Il‑proporzjon tal‑Common Equity Tier 1 ta' dawn il‑banek baqa' 'l fuq mil‑linja bażi u mill‑adverse thresholds, bil‑konsegwenza li dawn il‑banek għaddew mill‑eżerċizzju tal‑istress test. L‑introduzzjoni tal‑Mekkaniżmu Superviżorju Uniku f'Novembru 2014 wasslet biex dawn il‑banek tpoġġew taħt is‑superviżjoni diretta tal‑BĊE.

Sabiex jikkumpensa għat‑tnaqqis fil‑yields fis‑swieq finanzjarji, il‑Bank Ċentrali ta' Malta adotta strateġija ta' investiment aktar attiva. Dan involva tkabbir fl‑assi ta' investiment tiegħu għal €3.8 biljun fl‑aħħar tal‑2014, minn €3.3 biljun sena qabel. Filwaqt li d‑dħul mill‑imgħax naqas, il‑qligħ mill‑operat żdied minn €66.7 miljun fl‑2013 għal €71.8 miljun fl‑2014. Fid‑dawl ta' portafoll akbar ta' assi ta' investiment, u fi ħdan il‑kuntest ta' inċertezza rikorrenti fis‑swieq finanzjarji, il‑Bank saħħaħ il‑provvedimenti tiegħu bi €15.0 miljun u ttrasferixxa €8.8 miljun fir‑riżervi. Konsistenti ma' dawn iż‑żidiet fil‑provvedimenti u fir‑riżervi, il‑Bank għadda €48.0 miljun lill‑Gvern ta' Malta.

Ir‑Rapport Annwali għall‑2014 jinsab fuq is‑sit elettroniku tal‑Bank Ċentrali ta' Malta www.centralbankmalta.org.

The Central Bank of Malta’s Annual Report 2014

The Central Bank of Malta’s Annual Report 2014

Lura lejn l-Arkivju