News

News - Stqarrijiet għall-Istampa 2015

08/05/2015

Proġett Nazzjonali għaċ-Ċertifikazzjoni tal-Professjonisti fil‑Maniġġ tal-Flus

Il‑'Proġett Nazzjonali għaċ‑Ċertifikazzjoni tal‑Professjonisti fil‑Maniġġ tal‑Flus' ġie żviluppat mill‑Bank Ċentrali ta' Malta flimkien mal‑Financial Intelligence Analysis Unit (FIAU), bl‑appoġġ tal‑Assoċjazzjoni tal‑Bankiera Maltin. Il‑proġett hu ddisinjat speċifikament biex iħarreġ lill‑professjonisti fil‑maniġġ tal‑flus, u jipprovdihom bil‑ħiliet neċessarji sabiex jassistu fil‑ġlieda kontra l‑falsifikazzjoni tal‑karti tal‑flus, kif ukoll il‑prevenzjoni tal‑ħasil tal‑flus u l‑finanzjament tat‑terroriżmu.

Il‑professjonisti fil‑maniġġ tal‑flus, li jinkludu kemm il‑kaxxiera kif ukoll l‑istaff fil‑back office, huma involuti fl‑aċċettazzjoni u r‑riċirkolazzjoni tal‑karti tal‑flus. Għalhekk, dawn huma l‑ewwel linja ta' difiża fil‑miżuri li jintużaw biex jiġu identifikati l‑flus foloz u biex iżommu lis‑sistema finanzjarja milli tintuża biex jinħeba l‑qligħ ta' attivitajiet kriminali.

Il‑programm ta' taħriġ ser isir fi tliet fażijiet konsekuttivi. L‑ewwel fażi, li se tiġi konkluża qabel l‑ewwel nofs tal‑2015, tinvolvi l‑professjonisti fil‑maniġġ tal‑flus li jaħdmu l‑Bank Ċentrali ta' Malta u l‑istituzzjonijiet ta' kreditu li jippermettu depożiti u rtirar ta' flus mill‑fergħat tagħhom. It‑tieni fażi se testendi t‑taħriġ għall‑professjonisti fil‑maniġġ tal‑flus li jaħdmu ġewwa istituzzjonijiet finanzjarji, filwaqt li l‑fażi finali se tkompli tiġi estiża sabiex tinkorpora s‑settur tal‑bejgħ li jaċċetta pagamenti bi flus kontanti għal prodotti u servizzi.

It‑taħriġ u ċ‑ċertifikazzjoni qegħdin isiru permezz ta' pakkett żviluppat ta' e‑learning, li jikkonsisti fiż‑żewġ taqsimiet li ġejjin:

  • Module 1 ‑ 'Know your Banknotes' (Taqsima 1 ‑ Kun af il‑Karti tal‑Flus tiegħek), li jittratta dwar kif dawk li jimmaniġġaw il‑flus jistgħu jiċċekkjaw il‑karti tal‑flus għall‑awtentiċità u l‑kundizzjoni;
  • Module 2 ‑ 'Prevention of Money Laundering and Funding of Terrorism' (Taqsima 2 ‑ Il‑Prevenzjoni tal‑Ħasil tal‑Flus u l‑Finanzjament tat‑Terroriżmu), li jittratta dwar il‑miżuri bażiċi ta' prevenzjoni li għandhom jidħlu fis‑seħħ, kif ukoll l‑għarfien u l‑immaniġġar ta' tranżazzjonijiet minn persuni li jistgħu jkunu involuti fil‑ħasil tal‑flus jew fil‑finanzjament tat‑terroriżmu.

Minħabba t‑teknoloġiji li qed jinbidlu b'mod mgħaġġel fil‑qasam tal‑maniġġ tal‑flus, iċ‑ċertifikazzjoni se tkun valida għal perjodu ta' sentejn - wara dan, dawk li jimmaniġġaw il‑flus ser ikunu meħtieġa li jgħaddu l‑materjal edukattiv aġġornat u jiġu eżaminati fuqu.

Dan il‑proġett konġunt jindirizza l‑għanijiet tal‑Bank Ċentrali u l‑FIAU. Infatti, l‑ewwel taqsima ssostni l‑obbligazzjonijiet tal‑Bank Ċentrali ta' Malta taħt Artikolu 8 tad‑Deċiżjoni tal‑Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) dwar il‑verifika tal‑awtentiċità u l‑kundizzjoni u r‑riċirkolazzjoni tal‑karti tal‑flus tal‑euro (BĊE/2010/14), li jiddikjara li il‑banek ċentrali tal‑Eurosistema għandhom ir‑responsabbiltà li jsostnu t‑taħriġ ta' dawk li jimmaniġġaw il‑flus bħala materja ta' prijorità, filwaqt li t‑tieni taqsima ssostni r‑responsabbiltà tal‑FIAU "li jġib 'il quddiem it‑taħriġ ta' persunal, u li jipprovdi taħriġ għalihom, li jkunu impjegati ma' xi persuna suġġetta dwar kull ħaġa, obbligazzjoni jew attività relevanti għall‑prevenzjoni ta' money laundering jew finanzjar ta' terroriżmu", kif imsemmi f'Artikolu 16 tal‑Att kontra Money Laundering (Kapitlu 373 tal‑liġijiet ta' Malta).

Lura lejn l-Arkivju