News

News - Stqarrijiet għall-Istampa 2015

05/06/2015

Programm ta’ muniti b’inizjattiva tat-tfal - ‘Mit-tfal b’Solidarjetà’

Il‑Bank Ċentrali ta' Malta u l‑Malta Community Chest Fund ikkollaboraw flimkien fit‑tnedija ta' programm dwar ħruġ ta' muniti b'temi soċjali. Dan il‑programm ser jinvolvi l‑istudenti mill‑iskejjel sekondarji kollha bit‑tema: 'Mit‑tfal b'Solidarjetà'.

Il‑Programm tnieda uffiċjalment il‑Ġimgħa 5 ta' Ġunju 2015 mill‑Eċċellenza Tagħha l‑President ta' Malta, Marie‑Louise Coleiro Preca, u l‑Gvernatur tal‑Bank Ċentrali ta' Malta, il‑Professur Josef Bonnici, waqt konferenza stampa li saret il‑Bank stess.

Il‑Programm, imfassal fuq numru ta' snin, jikkonsisti minn ħames temi: l‑Imħabba, il‑Paċi, in‑Natura/l‑Ambjent, il‑Patrimonju u l‑Logħob. It‑tema magħżula għall‑2016 hija l‑IMĦABBA. Din hi tema ewlenija tal‑Mission Statement tal‑Malta Community Chest Fund. Il‑Fond jippromwovi attivitajiet sabiex jgħin individwi bi bżonnijiet varji b'imħabba u ġenerożità.

It‑tema tal‑IMĦABBA ser tiġi rrappreżentata fuq munita kommemorattiva taż‑€2 li ser tinħareġ mill‑Bank Ċentrali ta' Malta permezz ta' coin cards u stoċċijiet tal‑munita kommemorattiva, u li ser ikunu disponibbli għall‑bejgħ fl‑2016. Il‑qligħ mill‑bejgħ tal‑coin cards ser imur kollu għall‑Malta Community Chest Fund.

Id‑disinn tal‑munita ser jissimbolizza l‑IMĦABBA f'kuntest wiesa' sabiex jirrifletti l‑aspett importanti tas‑solidarjetà. Ser titnieda kompetizzjoni dwar id‑disinn tal‑munita fl‑iskejjel sekondarji kollha, u panel ta' esperti ser jagħżel ħames disinji li jkunu sottomessi għall‑votazzjoni mill‑istudenti. Id‑disinn rebbieħ ser ikun rifless fuq il‑munita, u jingħata premju lill‑istudent/a li ssottometta/iet id‑disinn. Dawk li jiġu t‑tieni u t‑tielet ser jingħataw premju wkoll, filwaqt li l‑istudenti kollha li jkunu pparteċipaw f'din il‑kompetizzjoni ser jingħataw ċertifikat u tifkira.

Il‑kumplament tat‑temi ser ikunu riprodotti fuq muniti kommemorattivi matul is‑snin li ġejjin.

L‑iskejjel ser jinfurmaw lill‑istudenti fuq ir‑regolamenti li jiggwidaw il‑kompetizzjoni tad‑disinn. Id‑disinji jridu jkunu sottomessi sa mhux aktar tard mis‑14:00 tal‑Ġimgħa, 30 ta' Ottubru 2015 lil:

Ms Winnie Vella
Projects & Initiatives Section
Coin Design Competition
Student Services Department
Fra Gaetano Pace Forno Street
Hamrun HMR 1100
E-mail: winnie.vella@gov.mt


Programm ta’ muniti b’inizjattiva tat-tfal - ‘Mit-tfal b’Solidarjetà’
Lura lejn l-Arkivju