News - Stqarrijiet għall-Istampa 2015
07/07/2015
Programm edukattiv bejn il-BĊM u l-GRTU
F'Lulju 2014, il‑Bank Ċentrali ta' Malta (BĊM) u l‑Malta Chamber of SMEs tal‑GRTU (General Retailers and Traders Union) qablu dwar l‑organizzazzjoni ta' programm edukattiv imfassal speċifikament għas‑settur tal‑bejgħ bl‑imnut. Il‑GRTU, f'konsultazzjoni mal‑Bank, nediet stħarriġ f'Ottubru tal‑2014 sabiex tanalizza aħjar ir‑rekwiżiti tal‑membri tagħha. Mill‑istħarriġ irriżulta li 52% biss tal‑impjegati ġew mogħtija taħriġ ġenerali jew speċifiku relatat mal‑immaniġġar tal‑flus u t‑trattament tal‑pagamenti. Kwistjonijiet oħra li ħarġu minn dan l‑istħarriġ kienu dwar ċekkijiet li ma jistgħux jissarrfu qabel id‑data speċifikata, l‑immaniġġar ta' karti tal‑flus suspettużi foloz, in‑nuqqas jew l‑eċċess ta' muniti, ċekkijiet mhux onorati, ħlasijiet tard minn debituri, u kwistjonijiet fi stadju ta' rikonċiljazzjoni.
Il‑Programm Edukattiv bejn il‑BĊM u l‑GRTU hu programm imfassal speċifikament sabiex jindirizza dan it‑tħassib u jipprovdi t‑taħriġ u l‑informazzjoni neċessarji bħala assistenza għas‑settur tal‑bejgħ. L‑għanijiet ewlenin tal‑Programm huma:
1. li titqajjem kuxjenza dwar ir‑riskji li jeżistu fl‑oqsma tal‑falsifikazzjoni u l‑ħasil tal‑flus;
2. li jkun ipprovdut it‑taħriġ neċessarju lill‑impjegati tal‑bejjiegħa bl‑imnut fil‑ġlieda kontra l‑falsifikazzjoni u l‑ħasil tal‑flus, b'hekk jitnaqqsu l‑ħsarat finanzjarji/riskji legali;
3. biex is‑settur tal‑bejgħ ikun infurmat dwar l‑użu ta' aktar strumenti effiċjenti ta' pagamenti.
L‑elementi ewlenin tal‑Programm Edukattiv Konġunt huma:
1. 'Programm Edukattiv Kontinwu' li jiffoka primarjament fuq kwistjonijiet relatati ma' flus u strumenti ta' pagamenti;
2. 'Ċertifikazzjoni ta' Programm għal min jimmaniġġa l‑flus' fejn dawk li jimmaniġġaw il‑flus jiġu mogħtija taħriġ professjonali u jkunu assessjati mill‑esperti professjonali tal‑Bank;
3. diversi żjarat fuq il‑post u taħriġ fuq skala kbira lill‑bejjiegħa (pereżempju s‑supermarkets);
4. li tkun ipprovduta opinjoni esperta u teknika dwar ix‑xiri ta' tagħmir għall‑awtentikazzjoni tal‑karti tal‑flus u dwar kwistjonijiet oħra relatati ma' flus.
Għal aktar informazzjoni, jew biex tissieħeb f'dan il‑programm kontinwu, jekk jogħġbok ikkuntattja lil:
GRTU - Malta Chamber for SMEs
Ms Elaine Zammit
E: eudesk@grtu.eu
T: 2123 2881
Bank Ċentrali ta' Malta
Ms Elaine Lenzo
Currency Operations Office
E: lenzoec@centralbankmalta.org
T: 2550 6002
Lura lejn l-Arkivju