News - Stqarrijiet għall-Istampa 2015
04/08/2015
Tagħrif ta’ kull sitt xhur dwar il-falsifikazzjoni tal-karti tal-flus tal-euro f’Malta
Fl‑ewwel nofs tal‑2015, ġew irrappurtati lill‑Bank Ċentrali ta' Malta 2,361 karta tal‑euro falza. Iż‑żieda fil‑karti tal‑flus foloz f'dan il‑perjodu seħħet prinċipalment minħabba li fit‑18 ta' Mejju saret qabda mill‑pulizija ta' 1,075 karta tal‑flus (1,055 karta tal‑€100 u 20 karta tal‑€50) mingħand barrani fl‑Ajruport Internazzjonali ta' Malta qabel it‑tluq tiegħu.
Tabella 1 turi ċ-ċifri ta' kull sitt xhur u dawk annwali ta' karti tal‑flus foloz li ġew irtirati miċ‑ċirkolazzjoni f'Malta minn mindu daħal l‑euro fl‑2008.
Tabella 1
|
2008
|
2009
|
2010
|
2011
|
2012
|
2013
|
2014
|
2015
|
|
N1
|
N2
|
N1
|
N2
|
N1
|
N2
|
N1
|
N2
|
N1
|
N2
|
N1
|
N2
|
N1
|
N2
|
N1
|
Karti
tal‑Flus
Foloz
|
642
|
903
|
798
|
520
|
760
|
1,663
|
484
|
1,059
|
951
|
713
|
877
|
874
|
507
|
990
|
2,361
|
1,545
|
1,318
|
2,423
|
1,543
|
1,664
|
1,751
|
1,497
|
|
Il‑proporzjon ta' karti tal‑euro foloz f'Malta għadu baxx ħafna meta mqabbel mal‑għadd ta' karti tal‑euro ġenwini fiċ‑ċirkolazzjoni (medja ta' ftit aktar minn 12.15 miljun fl‑ewwel sitt xhur tal‑2015). Hu baxx ħafna wkoll (0.52%) bħala proporzjon tal‑ammont totali tal‑karti tal‑flus foloz maqbuda fiż‑żona tal‑euro, li skont l‑istqarrija għall‑istampa tal‑Ġimgħa 17 ta' Lulju maħruġa milll‑Bank Ċentrali Ewropew, b'kollox ammontaw għal 454,000 karta tal‑flus matul l‑istess perjodu (Jannar sa Ġunju 2015).
B'riżultat tal‑qabda li saret mill‑pulizija, kien hemm żieda fin‑numru ta' karti tal‑€100 maqbuda fiċ‑ċirkolazzjoni, li issa jirrappreżentaw 51.5% tal‑flus foloz kollha maqbuda f'Malta. Il‑proporzjon fis‑suq tal‑€50 f'Malta għadu baxx ħafna b'5.7% biss tat‑total tal‑flus foloz maqbuda, filwaqt li l‑proporzjon tal‑€20 u tal‑€10 naqas meta mqabbel mat‑tieni nofs tal‑2014.
Din ix‑xejra tidher fit‑Tabella 2 li tipprovdi analiżi perċentwali maqsuma skont id‑denominazzjonijiet tal‑ammont totali ta' flus foloz irtirati miċ‑ċirkolazzjoni fl‑ewwel nofs tal‑2015, imqabbla ma' dawk irtirati fiż‑żona tal‑euro kollha kemm hi.
Tabella 2
|
|
€5
|
€10
|
€20
|
€50
|
€100
|
€200
|
€500
|
Analiżi Perċentwali
|
Żona tal‑euro
|
1.5
|
2.4
|
54.7
|
31.3
|
8.5
|
1.1
|
0.5
|
Malta
|
0.5
|
10.2
|
32.0
|
5.7
|
51.5
|
0.0
|
0.1
|
Minkejja dawn il‑ftit każijiet ta' flus foloz irrapportati lokalment, il‑Bank Ċentrali ta' Malta jibqa' jwissi lill‑pubbliku biex jibqa' attent meta jagħmel tranżazzjonijiet bi flus kontanti. Il‑karti tal‑flus ġenwini jintgħarfu faċilment permezz tat‑test "feel‑look‑tilt", kif spjegat fuq is‑sit elettroniku tal‑Bank Ċentrali ta' Malta.
Fl‑isforzi kontinwi tiegħu kontra l‑falsifikazzjoni tal‑flus, il‑Bank waqqaf programm wiesa' ta' taħriġ immirat għas‑setturi kollha f'Malta. F'Mejju, il‑Bank u l‑Financial Intelligence Analysis Unit (FIAU) flimkien nedew il‑'Proġett Nazzjonali għaċ‑Ċertifikazzjoni tal‑Professjonisti fil‑Maniġġ tal‑Flus', li ġie ddisinjat speċifikament biex iħarreġ lill‑professjonisti fil‑maniġġ tal‑flus u jipprovdihom bil‑ħiliet neċessarji sabiex jidentifikaw il‑karti tal‑flus foloz. Dan il‑programm ta' taħriġ qed isir fi tliet fażijiet konsekuttivi u jkopri t‑taħriġ tal‑professjonisti fil‑maniġġ tal‑flus li jaħdmu l‑Bank Ċentrali ta' Malta u l‑istituzzjonijiet ta' kreditu; l‑istituzzjonijiet finanzjarji; u s‑settur tal‑bejgħ bl‑imnut. F'Lulju, il‑Bank u l‑Malta Chamber of SMEs tal‑GRTU (General Retailers and Traders Union) nedew programm edukattiv nazzjonali mfassal speċifikament għas‑settur tal‑bejgħ bl‑imnut. Programmi oħra ta' taħriġ qed jiġu ppjanati għal setturi oħra. Il‑Bank hu disponibbli biex jipprovdi kull tip ta' għajnuna, inkluż taħriġ lil kwalunkwe entità lokali li tista' teħtieġ din l‑assistenza.
Kull min jirċievi jew jissuspetta li għandu f'idejh karta tal‑flus falza għandu jċempel lill‑Pulizija fuq 2122 4001 jew lill‑Bank Ċentrali ta' Malta fuq 2550 6012/13, jew jibgħat email lill‑Bank.
Lura lejn l-Arkivju