News

News - Stqarrijiet għall-Istampa 2015

18/09/2015

Ir-Rivista ta’ Kull Tliet Xhur – it-Tieni Ħarġa tal-2015

Il‑Bank Ċentrali ta' Malta ppubblika t‑tieni ħarġa tar‑Rivista tiegħu ta' Kull Tliet Xhur għas‑sena 2015, li tanalizza l‑iżviluppi ekonomiċi u finanzjarji riċenti f'Malta u barra minn Malta. Ir‑Rivista tinkludi wkoll numru ta' rapporti analitiċi dwar l‑impatt makroekonomiku ta' politika ġdida li tippermetti l‑estensjoni tal‑għoli tal‑lukandi, dwar l‑effetti tat‑tnaqqis fit‑taxxa fuq id‑dħul f'Malta, kif ukoll studju qasir dwar l‑ispejjeż tax‑xogħol fis‑siegħa.

Ir‑Rivista taċċenna li, matul it‑tieni trimestru tal‑2015 u fil‑bidu tat‑trimestru ta' wara, il‑Kunsill Governattiv tal‑Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) żamm xejra akkomodattiva tal‑politika monetarja, hekk kif l‑inflazzjoni fiż‑żona tal‑euro kienet mistennija li tibqa' inqas mill‑mira ta' taħt, iżda viċin, it‑2.0% għal perjodu aktar fit‑tul.

Il‑BĊE żamm ir‑rata tal‑imgħax fuq l‑operazzjonijiet ewlenin ta' rifinanzjament fl‑istess livell ta' 0.05%, filwaqt li r‑rata fuq il‑faċilità ta' self marġinali u r‑rata fuq il‑faċilità ta' depożitu wkoll baqgħu stabbli fil‑livelli ta' 0.30% u ‑0.20% rispettivament. Sadattant, il‑Kunsill Governattiv żamm il‑mira tiegħu għax‑xiri ta' titoli ta' kull xahar taħt il‑programm estiż tiegħu ta' xiri ta' assi (APP) l‑istess, jiġifieri €60.0 biljun.

Matul it‑tieni trimestru tal‑2015, il‑prodott domestiku gross (PDG) fiż‑żona tal‑euro żdied b'0.4% fuq it‑trimestru ta' qabel, bl‑espansjoni sseħħ l‑aktar minħabba l‑esportazzjoni netta u l‑konsum privat. Il‑pressjonijiet inflazzjonarji baqgħu mrażżnin. Ir‑rata annwali tal‑inflazzjoni fiż‑żona tal‑euro, kif imkejla skont l‑Indiċi Armonizzat tal‑Prezzijiet għall‑Konsumatur (HICP), telgħet minn ‑0.1% f'Marzu għal 0.2% f'Ġunju, u baqgħet f'dan il‑livell f'Lulju.

Skont it‑tbassir makroekonomiku ppubblikat mill‑istaff tal‑BĊE f'Settembru, l‑irkupru ekonomiku fiż‑żona tal‑euro hu mistenni li jkompli, bit‑tkabbir fil‑PDG f'termini reali mistenni li jirpilja minn 0.9% fl‑2014 għal 1.4% din is‑sena, qabel ma jkompli jaċċellera għal 1.8% fl‑2017. Sadattant, l‑inflazzjoni hi mistennija li tibqa' baxxa fil‑livell ta' 0.1% fl‑2015, filwaqt li hi mistennija li taċċellera għal 1.1% fl‑2016 u għal 1.7% fl‑2017.

Fir‑rigward tal‑iżviluppi domestiċi, ir‑Rivista tinnota li l‑ekonomija Maltija kompliet tikber b'pass qawwi fl‑ewwel nofs tal‑2015. L‑istimi inizjali għall‑ewwel trimestru wrew tkabbir fil‑PDG f'termini reali ta' 4.0% meta mqabbel mal‑istess trimestru tal‑2014. Matul it‑tieni trimestru, it‑tkabbir annwali fil‑PDG f'termini reali aċċellera għal 5.2% minn rata tat‑tkabbir riveduta 'l fuq ta' 4.9% fit‑trimestru ta' qabel.

Ir‑rata annwali tal‑inflazzjoni f'Malta bbażata fuq l‑HICP żdiedet għal 1.1% f'Ġunju minn 0.5% f'Marzu. Din iż‑żieda seħħet l‑aktar minħabba l‑inflazzjoni tal‑prezzijiet tal‑enerġija, li saret inqas negattiva, u minħabba żviluppi fil‑prezzijiet tal‑ikel ipproċessat. F'Lulju, ir‑rata annwali tal‑inflazzjoni bbażata fuq l‑HICP telgħet għal 1.2%.

Fir‑rigward tas‑suq tax‑xogħol, l‑impjiegi komplew jiżdiedu, filwaqt li r‑rata tal‑qgħad żammet ix‑xejra tagħha ta' tnaqqis matul l‑ewwel trimestru tal‑2015. Skont il‑Labour Force Survey (LFS), l‑impjiegi żdiedu b'1.3% f'termini annwali. Sadattant, ir‑rata tal‑qgħad ibbażata fuq l‑LFS naqset għal 5.7% minn 6.0% sena qabel.

Fis‑settur barrani, matul l‑ewwel trimestru tal‑2015, il‑kont kurrenti tal‑bilanċ tal‑pagamenti rreġistra bilanċ favorevoli, għall‑kuntrarju ta' żbilanċ fl‑istess perjodu tal‑2014. Din il‑bidla seħħet l‑iktar minħabba defiċit iżgħar fuq il‑kont tal‑prodotti, għalkemm il‑flussi relatati mal‑introjtu kkontribwixxew ukoll. B'kuntrast għal dan, id‑dħul nett fuq il‑kont tas‑servizzi naqas fuq sena qabel. Bħala proporzjon tal‑PDG, il‑bilanċ favorevoli fil‑kont kurrenti kien 5.5% fis‑sena sa Marzu 2015.

Fir‑rigward tal‑iżviluppi fil‑flus u l‑kreditu, id‑depożiti tar‑residenti f'Malta ma' banek Maltin komplew jiżdiedu b'mod qawwi, u rreġistraw rata tat‑tkabbir annwali ta' 19.1% f'Ġunju, żieda mir‑rata ta' 14.6% rreġistrata f'Marzu. Sadattant, l‑irkupru fil‑kreditu lir‑residenti f'Malta qabad ir‑ritmu, bir‑rata tat‑tkabbir annwali titla' għal 1.1% f'Ġunju.

Il‑yields tas‑suq monetarju lokali baqgħu l‑istess matul it‑trimestru kopert. Ir‑rata fuq il‑bills tat‑Teżor b'perjodu ta' maturità ta' tliet xhur fis‑suq sekondarju baqgħet l‑istess, jiġfieri 0.00%, bejn Marzu u Ġunju. Madankollu, fis‑suq kapitali sekondarju, il‑yields fuq bonds tal‑gvern żdiedu, bil‑yield fuq bonds tal‑gvern b'perjodu ta' maturità ta' għaxar snin titla' għal 1.97%, għalkemm naqsu xi ftit f'Lulju. Sadattant, kien hemm tnaqqis fir‑rati tal‑banek għas‑self, bir‑rata medja ppeżata tal‑imgħax fuq self lill‑individwi u kumpaniji mhux finanzjarji residenti f'Malta tinżel bi tmien punti bażi għal 3.90% fl‑aħħar ta' Ġunju.

Fir‑rigward tal‑iżviluppi fiskali, fl‑ewwel trimestru tal‑2015 żdied id‑defiċit tal‑gvern ġenerali fuq sena qabel, hekk kif l‑infiq żdied aktar mid‑dħul. B'riżultat ta' dan, id‑defiċit tal‑gvern ġenerali, imkejjel bħala moving sum fuq erba' trimestri, żdied għal 2.5% tal‑PDG minn 2.1% fl‑aħħar trimestru tal‑2014. Il‑proporzjon tad‑dejn tal‑gvern ġenerali għall‑PDG żdied ukoll, għalkemm baqa' taħt il‑livell irreġistrat sena qabel. Madankollu, id‑data tal‑Fond Konsolidat juru li matul l‑ewwel nofs tas‑sena, id‑defiċit naqas b'mod sinifikanti meta mqabbel mal‑istess perjodu tal‑2014.

Minn perspettiva ta' politika ekonomika, it‑tneħħija riċenti tal‑Proċedura ta' Defiċit Eċċessiv għal Malta hija milqugħa. Madankollu, l‑orjentament fiskali għandu jibqa' ffukat lejn il‑ksib tal‑miri uffiċjali, li jipprevedu tnaqqis progressiv tad‑defiċit fiskali u tal‑proporzjon tad‑dejn.

Is‑sistema finanzjarja baqgħet b'saħħitha u sostnuta minn ekonomija Maltija li qiegħda tikber. Il‑livelli ta' kapital tal‑core domestic banks baqgħu b'saħħithom, filwaqt li l‑likwidità hija tajba ħafna. Madankollu, aktar sforzi huma meħtieġa sabiex jiżdiedu l‑provvedimenti kontra s‑self fejn il‑ħlas qiegħed b'lura (non‑performing loans). Minħabba l‑istandards regolatorji aktar għoljin tal‑kapital, konsegwenza tal‑Basel Agreements, il‑banek Maltin għandhom isaħħu wkoll ir‑riżervi tagħhom u jżommu politika prudenti fit‑tqassim ta' dividendi.

Għalkemm il‑miżuri straordinarji tal‑BĊE ġew riflessi, sa ċertu punt, fit‑tnaqqis fir‑rati għas‑self lis‑settur privat, għad hemm skop għal aktar tnaqqis fir‑rati u għall‑użu tal‑likwidità miksuba permezz tal‑APP tal‑BĊE sabiex jitjieb il‑fluss ta' kreditu lill‑ekonomija. Jibqa' importanti li jiġi żgurat li s‑settur privat, partikolarment l‑intrapriżi żgħar u medji, jibbenifika minn titjib fl‑aċċess għall‑finanzjament. Il‑Bank jappoġġja żviluppi istituzzjonali f'dan il‑qasam, notevolment it‑twaqqif ta' bank għall‑iżvilupp.

It‑tieni ħarġa tar‑Rivista ta' Kull Tliet Xhur għall‑2015 tinsab fuq is‑sit elettroniku tal‑Bank Ċentrali ta' Malta.

Lura lejn l-Arkivju