News - Stqarrijiet għall-Istampa 2015
30/09/2015
Il-Bank Ċentrali ta’ Malta jiftaħ fin-Notte Bianca
Għal darb'oħra, il‑Bank Ċentrali ta' Malta ser jipparteċipa fl‑edizzjoni ta' din is‑sena tan‑Notte Bianca li ser issir is‑Sibt 3 ta' Ottubru 2015. Il‑bini prinċipali tal‑Bank fi Pjazza Kastilja ser ikun miftuħ għall‑pubbliku bejn is‑sitta u l‑ħdax ta' filgħaxija.
Dawk li jżuru l‑Bank ser ikollhom l‑opportunità li jżuru l‑mużew tal‑flus, fejn ikun hemm għażla ta' muniti u karti tal‑flus għall‑wiri. Ser ikun hemm ukoll esebizzjoni speċjali ta' medalji u muniti rari li juru xbihat tal‑Gran Mastri ta' Malta.
Dawk li jżuru l‑Bank ser jibbenefikaw ukoll minn roħs speċjali fuq għażla ta' muniti numiżmatiċi li jinxtraw matul in‑Notte Bianca, kif ukoll jistgħu jiġbru materjal edukattiv relatat mal‑flus, u rigali li saru apposta għal din l‑okkażjoni.
Aktar informazzjoni tista' tinkiseb minn fuq is‑sit elettroniku tal‑Bank www.centralbankmalta.org, jew billi wieħed iċempel lill‑Malta Coins Distribution Centre fuq (+356) 2550 6007.
Lura lejn l-Arkivju