News

News - Stqarrijiet għall-Istampa 2015

15/10/2015

Malta: Iċ-Ċentru tal-Jiem Kulturali Ewropej tal-Bank Ċentrali Ewropew għall-2015

Il‑gżejjer Maltin ser jippreżentaw programm estensiv u varjat fi Frankfurt mit‑3 ta' Novembru, inkluż kunċert spettakolari tal‑ftuħ mit‑tenur ta' fama internazzjonali Joseph Calleja

L‑ambjent kulturali ta' Malta ser jitqiegħed bis‑sħiħ għall‑attenzjoni internazzjonali mix‑xahar id‑dieħel, bit‑tnedija tal‑Programm tal‑Jiem Kulturali Ewropej ta' Malta fi Frankfurt am Main - is‑sede tal‑Bank Ċentrali Ewropew (BĊE).

Ospitati annwalment mill‑BĊE, il‑Jiem Kulturali Ewropej jagħmlu aċċenn fuq il‑firxa rikka u varjata tal‑kulturi tal‑Unjoni Ewropea billi kull sena tiffoka fuq ix‑xena kulturali ta' pajjiż differenti tal‑UE. Malta ġiet magħżula għall‑2015, wara l‑Bulgarija fl‑2014, il‑Latvja fl‑2013 u Franza fl‑2012.

"Ix‑xbieha tal‑Ewropa hija assoċjata ħafna mal‑individwalità u l‑awtodeterminazzjoni," jgħid il‑President tal‑BĊE Mario Draghi. Huwa jistqarr illi "li naħdmu flimkien sabiex insaħħu l‑għarfien tal‑wirt kulturali ta' pajjiż li hu parti mill‑għeruq u l‑identità tagħna, toffri opportunità tajba sabiex nedukaw u nippreparaw ġenerazzjonijiet futuri li ser ikollhom sehem ewlieni fit‑tisħiħ tal‑għaqda u l‑ispirtu tal‑komunità, u fid‑deċiżjonijiet ta' kif l‑istituzzjonijiet Ewropej ser jiżviluppaw. Il‑missjoni tal‑Jiem Kulturali Ewropej tissodisfa bis‑sħiħ dan l‑għan".

Kull sena, il‑BĊE jorganizza l‑programm tal‑Jiem Kulturali Ewropej flimkien mal‑bank ċentrali nazzjonali tal‑pajjiż konċernat. Għalhekk, il‑Bank Ċentrali ta' Malta kien il‑katalista għall‑iżvilupp tal‑programm dinamiku li qed jiġi ppreżentat.

Il‑Gvernatur tal‑Bank Ċentrali ta' Malta, il‑Professur Josef Bonnici, jgħid, "Din l‑inizjattiva tippreżenta opportunità unika għal Malta sabiex tassew tesponi x‑xena kulturali tagħha li dejjem qiegħda tiżviluppa. Ninsabu ferħana ferm li għandna dan iċ‑ċans sabiex nesponu l‑wirt kulturali ta' pajjiżna ġewwa Frankfurt, u ħerqana sabiex nippreżentaw programm varjat ta' avvenimenti li jinkludi mużika, teatru, żfin, opra u l‑arti viżwali."

Il‑programm ta' Malta ser jibda fit‑3 ta' Novembru b'kunċert mit‑tenur ta' fama internazzjonali Joseph Calleja u l‑Orkestra Filarmonika ta' Malta, taħt id‑direzzjoni tas‑Surmast Brian Schembri ġewwa l‑famuż Alte Oper Theatre fil‑qalba tal‑belt. Avvenimenti mużikali oħrajn ser jinkludu dawk tas‑soprani Lydia Caruana, Claire Ghigo u Gillian Zammit, il‑vjolinista Carmine Lauri, is‑sound artist Renzo Spiteri, kunċerti mill‑Cosmos Wind Ensemble, il‑Big Band Brothers u d‑Dominic Galea Jazztet, kif ukoll party mid‑DJ Miss Roberta.

Ser ikun hemm ukoll wirjiet artistiċi oħrajn, inklużi l‑kumpanija nazzjonali ta' żfin kontemporanju ŻfinMalta, wirjiet mill‑fotografu Daniel Cilia u l‑iskultur Joe Xuereb, preżentazzjoni letterarja, dramm taħt id‑direzzjoni ta' Albert Marshall, kif ukoll diskorsi mill‑istudjużi tal‑istorja l‑Professur Anthony Bonanno, il‑Professur Denis De Lucca u l‑Professur Keith Sciberras. Il‑programm se jagħlaq fi Frar 2016.

"Aħna nemmnu li kull wieħed mill‑elementi artistiċi li ser jiġu ppreżentati ser jgħin liċ‑ċittadini ta' Frankfurt u lin‑numru kbir ta' viżitaturi internazzjonali li jżuru din il‑belt sabiex jitgħallmu aktar dwar x'għandhom x'joffru l‑gżejjer Maltin, u forsi wkoll iżuruna fil‑futur qarib. Jista' jkun li aħna l‑iżgħar pajjiż fl‑Unjoni, iżda għandna teżori kulturali imprezzabbli li għandna nkunu kburin bihom," jikkonkludi l‑Professur Bonnici.

Lura lejn l-Arkivju