News

News - Stqarrijiet għall-Istampa 2015

27/10/2015

Programm Edukattiv Nazzjonali għall-Professjonisti fil‑Maniġġ tal-Flus

Istituzzjonijiet Finanzjarji ‑ Impjegati ċċertifikati bħala professjonisti fil‑maniġġ tal‑flus

Aktar minn 60 impjegat minn diversi istituzzjonijiet finanzjarji f'Malta u Għawdex ingħataw iċ‑Ċertifikat ta' Professjonisti fil‑Maniġġ tal‑Flus wara li lestew taħriġ intensiv organizzat mill‑Bank Ċentrali ta' Malta, f'kollaborazzjoni mal‑Financial Intelligence Analysis Unit (FIAU).

It‑taħriġ li sar online kien jinkludi żewġ taqsimiet - "Kun  af il‑Karti tal‑Flus Tiegħek" u "Il-Prevenzjoni tal‑Ħasil tal‑Flus". Kull taqsima kienet segwita minn evalwazzjoni, fejn kienet meħtieġa marka għolja sabiex jinkiseb iċ‑ċertifikat. It‑taħriġ jgħin lil dawk li jimmaniġġaw il‑flus sabiex jagħrfu malajr id‑diversi karatteristiċi ta' sigurtà tal‑karti tal‑flus, mingħajr l‑għajnuna tat‑tagħmir għall‑awtentikazzjoni tal‑karti tal‑flus, kif ukoll sabiex ikollhom għarfien dwar il‑proċeduri ta' prevenzjoni tal‑ħasil tal‑flus u l‑prattiċi ta' rapportar.

Matul iċ‑ċerimonja, li saret fil-Kummissjoni tal-Emigranti ġewwa l‑Belt Valletta fis‑27 ta' Ottubru 2015, impjegati minn diversi istituzzjonijiet finanzjarji ġew ippreżentati b'ċertifikat ta' profiċjenza mis‑Sur Paul Muscat, Direttur tas‑Servizzi Finanzjarji fi ħdan il‑Bank Ċentrali ta' Malta.

Iċ‑ċertifikati ġew ippreżentati wkoll lill‑istituzzjonijiet finanzjarji rispettivi.

L‑għan ewlieni tal‑programm e‑learning hu li dawk kollha li jimmaniġġaw il‑flus ikunu ċċertifikati dwar l‑awtentiċità u l‑kundizzjoni tal‑karti tal‑flus tal‑euro u l‑proċeduri għall‑prevenzjoni tal‑ħasil tal‑flus.

 

Lura lejn l-Arkivju