News

News - Stqarrijiet għall-Istampa 2014

18/12/2014

L-Aġġornament tar-Rapport dwar l-Istabbiltà Finanzjarja għall-2014

Il‑Bank Ċentrali ta' Malta qed jippubblika fuq is‑sit elettroniku tiegħu l‑Aġġornament tar‑Rapport dwar l‑Istabbiltà Finanzjarja li jkopri żviluppi li seħħew fl‑ewwel sitt xhur tal‑2014. L‑Aġġornament josserva li r‑riskji makrofinanzjarji esterni baqgħu għoljin, minħabba riskji speċifiċi li żviluppaw f'reġjuni ekonomiċi differenti. Madankollu, l‑ekonomija domestika baqgħet b'saħħitha u spikkat meta mqabbla mal‑medja taż‑żona tal‑euro. Dan, flimkien ma' sistema finanzjarja b'saħħitha, kompla jħares u jassigura l‑istabbiltà tas‑sistema finanzjarja ta' Malta. L‑Aġġornament ma jidentifikax riskji u vulnerabbiltajiet ġodda għall‑istabbilità finanzjarja. Madankollu, ir‑riskju marbut mal-kreditu kompla jiżdied minħabba d‑deterjorament fil‑kwalità ta' ċerti assi. Jibqgħu relevanti dawk il‑miżuri identifikati fir‑Rapport dwar l‑Istabbiltà Finanzjarja għall‑2013 rigward it-tisħiħ tar‑riżervi minħabba r‑regoli aktar stretti tas‑CRR/CRD IV u ż-żieda fil‑provvediment għal telf fuq is‑self.

Matul l‑ewwel sitt xhur tal‑2014, il‑balance sheet tal‑core domestic banks kibret b'4.5%, l‑aktar minħabba żieda fl‑ammonti miżmuma ta' titoli u fl‑espożizzjonijiet interbankarji. Id‑depożiti mal‑Bank Ċentrali ta' Malta naqsu sostanzjalment hekk kif ir‑rata tal-imgħax fuq il-faċilità ta' depożitu nqalbet għal waħda negattiva. Madankollu, is‑self baqa' l‑komponent ewlieni tal‑assi u kompla jiġi ffinanzjat mid‑depożiti tal‑klijenti.

Is‑self kompla jiżdied, l‑aktar minħabba s‑self għax‑xiri tad‑djar, hekk kif naqas il‑kreditu għal skopjiet ta konsum u s‑self lill‑kumpaniji mhux finanzjarji. Dan tal‑aħħar irrifletta parzjalment l‑istandards ta' kreditu li baqgħu stretti fir‑rigward ta' ċerti setturi ekonomiċi. Il‑core domestic banks komplew iżommu pożizzjoni ta' likwidità b'saħħitha u riżervi stabbli. Il‑profittabilità tal‑core domestic banks baqgħet b'saħħitha minkejja li ġie rrappurtat inqas qligħ. Huwa maħsub li l‑komponenti l‑oħra tas‑settur finanzjarju domestiku, jiġifieri n‑non‑core domestic banks, il‑banek internazzjonali, il‑kumpaniji tal‑assigurazzjoni u l‑fondi ta' investiment, mhumiex mistennija joħolqu riskji għall‑istabbiltà finanzjarja.

L‑isfida ewlenija għas‑settur bankarju baqgħet ix‑xejra 'l fuq fis‑self fejn il‑ħlas qiegħed b'lura (NPLs). Dan seħħ parzjalment minħabba l‑prestazzjoni dgħajfa ta' diversi setturi ekonomiċi li jiddependu ħafna fuq il‑kreditu mill‑banek domestiċi. B'reazzjoni għal dan, il‑banek żiedu l‑provvedimenti tagħhom u dan irriżulta f'titjib tal‑coverage ratio. Il‑banek komplew ukoll japplikaw stimi konservattivi tal-garanzija li jappoġġjaw il‑portafoll tas‑self tagħhom, u l‑proporzjonijiet bejn il‑valur tas‑self u dak tal‑garanzija komplew jinżammu f'livelli prudenti. Is‑saħħa tal‑balance sheet u r‑reżiljenza tal‑banek għal skossi fl-ekonomija, li kienu inklużi fl‑Evalwazzjoni Komprensiva tal‑BĊE, kienu wkoll murija mill‑fatt li, wara l‑evalwazzjoni, il‑proporzjonijiet tas-CET1 tagħhom baqgħu 'l fuq mil‑livelli minimi li kienu stabbiliti għal 8% u 5.5%, rispettivament.

Għall‑quddiem, hu mistenni li l‑pressjonijiet esterni, partikolarment dawk li jirriżultaw minn tkabbir ekonomiku dgħajjef fiż‑żona tal‑euro, pressjonijiet inflazzjonarji baxxi u xenarju ta' rati baxxi tal‑imgħax fit-tul, jistgħu joħolqu impatt kemmxejn iktar negattiv.

L‑Aġġornament tar‑Rapport dwar l‑Istabbiltà Finanzjarja jinsab fuq is‑sit elettroniku tal‑Bank Ċentrali ta' Malta.

 

Lura lejn l-Arkivju