News - Stqarrijiet għall-Istampa 2014
26/11/2014
Impjegati tal-Bank Ċentrali ta’ Malta jagħmlu xogħol volontarju ġewwa Dar Għabex
Bħala parti mill‑impenn soċjali tal‑Bank, grupp ta' impjegati mill‑Bank Ċentrali ta' Malta pparteċipa f'inizjattiva ta' karità ġewwa Dar Għabex li hi dar ta' kenn għan‑nisa. L‑inizjattiva saret is‑Sibt 8 ta' Novembru 2014, u kienet ikkoordinata mis‑Social Committee tal‑Bank Ċentrali ta' Malta b'kollaborazzjoni mal‑Aġenzija Appoġġ. Għaxar impjegati ngħaqdu flimkien sabiex iwettqu xogħol fuq il‑bini li primarjament kien jikkonsisti minn tikħil u tibjid tal‑kuritur prinċipali. Il‑materjali u aċċessorji oħra relatati użati f'din l‑inizjattiva kienu mogħtija mill‑Bank. Barra minn hekk, ġiet ippreżentata donazzjoni ta' flus lil Dar Għabex, li kienet inġabret mill‑impjegati waqt attività soċjali oħra.
L‑għan ta' din l‑inizjattiva kien li titjieb il‑kwalità tal‑ħajja f'Dar Għabex. Il‑kontribut tal‑voluntiera tal‑Bank Ċentrali ta' Malta ġie apprezzat ħafna mis‑Sinjura Ruth Agius, uffiċjal għoli tal‑Aġenzija Appoġġ, li hi responsabbli għat‑tmexxija ta' din id‑dar. Il‑Gvernatur tal‑Bank Ċentrali ta' Malta rrikonoxxa l‑impenn ġeneruż tal‑impjegati tal‑Bank u afferma wkoll l‑appoġġ kontinwu tal‑Bank għal inizjattivi bħal dawn.
Din l‑inizjattiva tal‑istaff tifforma parti mill‑programm integrali ta' responsabbiltà soċjali appoġġjat mill‑Bank Ċentrali ta' Malta, li jinkludi attivitajiet regolari ta' donazzjonijiet tad‑demm u donazzjonijiet lill‑istituzzjonijiet tal‑karità fost oħrajn.
Lura lejn l-Arkivju