News

News - Stqarrijiet għall-Istampa 2014

27/10/2014

Ħruġ ta’ munita kommemorattiva taż-€2 – Indipendenza, 1964

Fid-29 ta' Ottubru 2014, il‑Bank Ċentrali ta' Malta ser joħroġ ir‑raba' munita minn serje ta' muniti kommemorattivi taż‑€2 li jfakkru avvenimenti importanti fl‑istorja kostituzzjonali ta' Malta. 

It‑tema ta' din il‑munita hi 'Indipendenza ‑ 1964'. In‑naħa ta' wara tal‑munita turi d‑denominazzjoni taż‑€2 li hija komuni fuq il‑muniti kollha maħruġa f'din is‑serje. Is‑simbolu nazzjonali jidher fuq in‑naħa ta' quddiem tal‑munita b'dettall mill‑monument tal‑Indipendenza li jinsab il‑Furjana. Il‑munita ġiet iddisinjata mill‑artist Malti Ġanni Bonnici. 

Il‑gvern Malti u l‑gvern Ingliż bdew id‑diskussjonijiet dwar il-kostituzzjoni għall‑indipendenza wara li l‑Prim Ministru Malti, Dr Ġorġ Borg Olivier għamel talba formali għall‑indipendenza ta' Malta fl‑20 ta' Awwissu 1962. Wara negozjati twal u diffiċli, matul l‑1963 tħejja abbozz tal‑kostituzzjoni għall‑indipendenza li kien approvat mill‑Parlament Ingliż fit‑23 ta' Lulju 1964. Id‑data għall‑Indipendenza kienet stabbilita għall‑21 ta' Settembru 1964 meta Malta formalment saret stat sovran indipendenti. 

Il‑munita kommemorattiva ser toħroġ f'verżjoni għaċ‑ċirkolazzjoni fi stoċċijiet ta' 25 munita kull wieħed, u ammont limitat ser joħroġ ukoll f'verżjoni proof. Il‑muniti nħadmu fir‑Royal Dutch Mint

Il‑Bank ser jikkuntattja 'l dawk kollha li diġà għamlu l‑ordni tagħhom biex jinfurmahom bl‑allokazzjoni tagħhom, kif ser iħallsu u l‑ġranet meta jkunu jistgħu jiġbru l‑muniti tagħhom. Għal aktar tagħrif, il‑pubbliku hu ġentilment mitlub jikkuntattja lill‑Malta Coins Distribution Centre billi jibgħat email jew iċempel fuq (+356) 2550 6006/7/8.

Commemorative Independence 1964

Lura lejn l-Arkivju