News

News - Stqarrijiet għall-Istampa 2014

11/09/2014

50 Anniversarju mill‑Indipendenza ta' Malta

Fil-15 ta' Settembru 2014, il‑Bank Ċentrali ta' Malta ser joħroġ munita tal‑fidda li tfakkar il‑ħamsin anniversarju mill-Indipendenza ta' Malta. Il‑munita għandha valur nominali ta' €10. 

Il‑munita ġiet maħduma fir‑Royal Dutch Mint f'0.925 fidda, tiżen 28.28 grammi u għandha dijametru ta' 38.61 mm. Il‑munita hi maħduma f'verżjoni proof u l‑istampar tagħha hu limitat għal 5,000 munita. Il‑munita ġiet iddisinjata u mnaqqxa minn Noel Galea Bason. 

Il‑faċċata ta' wara tal‑munita turi l‑ewwel Prim Ministru ta' Malta Indipendenti, Dr Ġorġ Borg Olivier, ixejjer id-dokumenti tal-Kostituzzjoni tal‑Indipendenza li ġew ippreżentati lilu mid‑Duka ta' Edinburgh waqt ċerimonja pubblika li saret fil‑Furjana fil‑21 ta' Settembru 1964, l‑ewwel ġurnata ta' Malta bħala stat indipendenti mill‑Gran Brittanja. Il‑faċċata ta' quddiem tal‑munita turi l‑emblema tal‑Università tal‑Imdina, li kienet kunsill amministrattiv imwaqqaf fl‑Imdina stess fiż‑żminijiet medjevali. Din kienet forma ta' gvern awtonomu mogħti lill‑Maltin mill‑Viċirè ta' Sqallija fis‑seklu ħmistax. L‑emblema bajda u ħamra, li hi riprodotta bil‑kulur fuq il‑munita, tirrappreżenta l‑għeruq storiċi tal‑identità nazzjonali ta' Malta. 

Il‑muniti jistgħu jinxtraw mill‑Malta Coins Distribution Centre fil‑bini prinċipali tal‑Bank Ċentrali ta' Malta ġewwa l‑Belt Valletta, jew billi timtela l‑formola li tinsab fuq is‑sit tal‑Bank. 

Għal iżjed informazzjoni, il‑pubbliku hu ġentilment mitlub jikkuntattja lill‑Malta Coins Distribution Centre billi jibgħat email jew iċempel fuq +356 2550 6006/7/8.

Malta Independence 50th Anniversary silver coin - reverse          Malta Independence 50th Anniversary silver coin - obverse

Lura lejn l-Arkivju