News

News - Stqarrijiet għall-Istampa 2014

28/08/2014

Ir-Rapport tal-Bank Ċentrali ta’ Malta dwar l-Istabbiltà Finanzjarja għas-sena 2013

Il‑Bank Ċentrali ta' Malta qed jippubblika s‑sitt edizzjoni annwali tar‑Rapport dwar l‑Istabbiltà Finanzjarja għas‑sena 2013. Ir‑Rapport ikopri l‑iżviluppi fis‑sistema finanzjarja Maltija, waqt li jidentifika l‑potenzjal ta' riskji u vulnerabbiltajiet, u jeżamina wkoll il‑kapaċità tas‑sistema biex tegħleb dawn ir‑riskji. Ir‑Rapport jiffoka l‑aktar fuq dawk il‑banek li għandhom rabtiet sostanzjali mal‑ekonomija Maltija, klassifikati bħala l‑core domestic banks. L‑iżviluppi fin‑non‑core domestic banks u fil‑banek internazzjonali, kif ukoll il‑kumpaniji tal‑assigurazzjoni u l‑fondi ta' investiment huma analizzati separatament.

Ir‑Rapport jibda billi jiddeskrivi x‑xenarju makroekonomiku u finanzjarju, kemm dak lokali kif ukoll internazzjonali, u janalizza wkoll l‑istabbilità fis‑sistema finanzjarja lokali. Ir‑Rapport imbagħad ikompli janalizza l‑istituzzjonijiet klassifikati non‑core kif ukoll dawk internazzjonali. Ir‑Rapport jinkludi wkoll diversi artikli dwar l‑Għajnuna mill‑Istat; l‑Iżviluppi fl‑Analiżi tal‑Kwalità tal‑Assi tal‑banek u Stress Tests tal‑Bank Ċentrali Ewropew (BĊE); ir‑Riżultati tal‑Istħarriġ dwar is‑Self tal‑Banek (Bank Lending Survey); ir‑reviżjoni tar‑Regola Bankarja Nru 09; il‑Credit Risk Threshold Model u kif ukoll dwar il‑Politika Makroprudenzjali.1

Minkejja l‑fraġilità tal‑qagħda makroekonomika barranija u d‑differenzi bejn is‑sistemi finanzjarji fiż‑żona tal‑euro, ir‑Rapport jikkonkludi li fl‑2013, is‑settur finanzjarju domestiku baqa' b'saħħtu, bir‑riskji jibqgħu ġeneralment stabbli. Dan kien sostnut mit‑tkabbir ekonomiku kif ukoll minn żviluppi fir‑regoli bankarji.

Matul l‑2013, id‑daqs tas‑sistema bankarja naqas minn 774.8% tal‑prodott domestiku gross (PDG) għal 697.3% tal‑PDG. Dan seħħ l‑aktar minħabba tnaqqis volontarju fl‑operazzjonijiet ta' numru żgħir ta' banek internazzjonali minħabba konsolidament fl‑attivitajiet tagħhom. Il‑balance sheet tal‑core domestic banks kibret bi 2.5% u dan fil‑biċċa l‑kbira minħabba żieda fid‑depożiti li rriżultat f'żieda f'assi finanzjarji, u żieda f'depożiti mal‑Bank Ċentrali ta' Malta. Is‑self, li baqa' l‑komponent ewlieni tal‑assi, żdied bi ftit, hekk kif il‑kumpaniji ħallsu aktar lura mid‑dejn tagħhom mal‑banek. Il‑core domestic banks komplew jiddiversifikaw l‑investimenti tagħhom b'mod prudenti. Id‑depożiti tal‑klijenti, li żdiedu b'5.8% u kważi laħqu l‑85% tal‑obbligazzjonijiet totali, baqgħu s‑sors ewlieni tal‑finanzjament għall‑core domestic banks. B'riżultat ta' dan, il‑proporzjon bejn is‑self u d‑depożiti kien ta' 66.5%, li hu ferm inqas mill‑medja taż‑żona tal‑euro ta' 105.8%. Il‑finanzjament ta' bejn il‑banek u mis‑sistema tal‑euro naqas u baqa' baxx.

Ir‑riskju marbut mas‑self baqa' sfida ewlenija għall‑banek. Dan jirriżulta partikolarment minn dgħufija f'setturi speċifiċi. Is‑self fejn il‑ħlas qiegħed b'lura (non‑performing loans) tal‑core banks laħaq id‑9.2% tas‑self totali sal‑aħħar tas‑sena. B'reazzjoni għal dan, il‑banek komplew iżidu l‑livelli ta' provvedimenti tagħhom u dan irriżulta f'titjib fil‑coverage ratios. Minbarra dan, l‑introduzzjoni tar‑reviżjoni tar‑Regola Bankarja BR/09 fl‑aħħar tal‑2013 taffiet ir‑riskju marbut mas‑self.

Matul l‑2013, ir‑riżervi tal‑core domestic banks komplew jitjiebu, hekk kif il‑capital adequacy u t‑Tier 1 capital ratios laħqu l‑14.9% u l‑11.1% rispettivament, u qabżu sew il‑minimu mitlub mir‑regoli. Dan poġġa lill‑banek f'pożizzjoni aktar b'saħħitha biex jilħqu r‑rekwiżiti ġodda tal‑Capital Requirements Directive (CRD IV/CRR). Barra dan, il‑pożizzjoni ta' likwidità tal‑core domestic banks baqgħet tajba ħafna, hekk kif il‑proporzjon ta' likwidità qabeż sew il‑minimu mitlub mir‑regoli ta' 30%. Matul is‑sena, il‑qligħ tal‑core domestic banks naqas bi 8.6%, ġeneralment minħabba tnaqqis fid‑dħul nett mill‑imgħax. Madankollu, il‑qligħ baqa' tajjeb meta mqabbel mal‑medja tal‑passat, u huwa ferm aħjar meta mqabbel mal‑banek l‑oħra fl‑Unjoni Ewropea. Ir‑riżultati tal‑istress tests li għamel il‑Bank Ċentrali ta' Malta kkonfermaw mill‑ġdid is‑saħħa tal‑banek għal diversi xenarji negattivi ipotetiċi.

Ir‑riskji li jirriżultaw min‑non‑core domestic banks u banek internazzjonali baqgħu ġeneralment baxxi u stabbli. Kien hemm tnaqqis fil‑balance sheet ta' dawn il‑banek, u dan seħħ minħabba żviluppi mill‑banek internazzjonali li kkonsolidaw il‑balance sheet tagħhom skont id‑direzzjoni strateġika tal‑grupp tagħhom. Sadattant, il‑livelli ta' kapital u likwidità baqgħu b'saħħithom. Iż‑żewġ gruppi ta' banek it‑tnejn irreġistraw qligħ relattivament għoli, għalkemm kemxejn inqas mis‑sena ta' qabel. Ir‑rabtiet ta' dawn il‑banek mal‑ekonomija domestika u mal‑bqija tas‑settur finanzjarju baqgħu limitati. Bl‑istess mod, ir‑riskji sistemiċi maħluqa mis‑setturi tal‑assigurazzjoni u tal‑fondi ta' investiment baqgħu baxxi. Is‑settur tal‑assigurazzjoni rrapporta żieda fil‑kapital u fir‑riżervi tekniċi. Minkejja li l‑qligħ tagħhom naqas, dan xorta jikkompara tajjeb mal‑qligħ ta' gruppi tal‑assigurazzjoni fl‑Unjoni Ewropea.

Ir‑Rapport jagħti wkoll sommarju tar‑riskji u perikli ewlenin li ffaċċja s‑settur finanzjarju lokali. Matul is‑sena, ir‑riskji mill‑ekonomija lokali battew minħabba x‑xejriet pożittivi fit‑tkabbir ekonomiku rrapportati fl‑2013 u fil‑bidu tal‑2014. Ir‑riskji mill‑kriżi fid‑dejn pubbliku fl‑Unjoni Ewropea battew, u r‑redditi (yields) naqsu b'mod sinifikanti. Ir‑riskju marbut mas‑self li jirriżulta minn setturi ekonomiċi speċifiċi żdied minħabba żieda fil‑livelli tas‑self fejn il‑ħlas qiegħed b'lura (non‑performing loans), iżda dan ittaffa permezz ta' żieda fil‑provvedimenti u fir‑riżervi. Ir‑riskju ta' qligħ aktar baxx baqa' l‑istess, l‑aktar minħabba li r‑rati tal‑imgħax baqgħu baxxi u ż‑żieda fis‑self baqgħet dgħajfa. Hekk kif ir‑rati tal‑imgħax jibqgħu baxxi fit‑tul, dan jista' jżid ir‑riskji fl‑investiment tal‑istituzzjonijiet finanzjarji hekk kif dawn ifittxu redditi (yields) aktar għoljin sabiex jillimitaw kemm jista' jkun il‑pressjoni 'l isfel fuq il‑qligħ. Madankollu, ir‑riskji għall‑2014 mistennija jibqgħu ġeneralment stabbli. Minkejja l‑isfidi regolatorji li se jibqgħu jiffaċċjaw il‑banek, dawn  huma mistennija li xorta jilħqu r‑rekwiżiti regolatorji ġodda u aktar stretti, speċjalment fir‑rigward tal‑kapital u likwidità. Għalhekk il‑banek huma xorta mħeġġa li jiddiversifikaw is‑sorsi tagħhom ta' finanzjament sabiex jippromwovu aktar self, ikomplu jżidu l‑provvedimenti tagħhom u jkomplu jsaħħu l‑kapitali tagħhom billi jadottaw politika prudenti fit‑tqassim ta' dividendi.

Ir‑Rapport dwar l‑Istabbiltà Finanzjarja jista' jitniżżel mis‑sit elettroniku www.centralbankmalta.org jew jinkiseb fil‑forma stampata mill‑Bank Ċentrali ta' Malta.
________________________________________________________

1 Ir-reviżjoni tar-Regola Bankarja Nru 09 tirreferi għal 'BR/09/2013 Measures Addressing Credit Risks Arising from the Assessment of the Quality of Asset Portfolios of Credit Institutions Authorised under the Banking Act 1994' tal-MFSA.

Lura lejn l-Arkivju