News

News - Stqarrijiet għall-Istampa 2014

12/08/2014

Tagħrif ta’ kull sitt xhur dwar il-falsifikazzjoni tal-karti tal-flus tal-euro f’Malta

Kien hemm tnaqqis notevoli fin‑numru ta' karti tal‑flus tal‑euro foloz li ġew irrapportati lill‑Bank Ċentrali ta' Malta fl‑ewwel nofs tal‑2014. L‑ammont totali ta' 507 karti tal‑flus foloz irtirati miċ‑ċirkolazzjoni kien 42% inqas minn dak irtirat fis‑sitt xhur ta' qabel (Lulju sa Diċembru 2013) u inqas ukoll mill‑ammont irrapportat fl‑istess perjodu tal‑2013 (Jannar sa Ġunju 2013).

Tabella 1 turi l‑figuri ta' kull sitt xhur u dawk annwali ta' karti tal‑flus foloz li ġew irtirati miċ‑ċirkolazzjoni f'Malta minn mindu daħal l‑euro fl‑2008.

Tabella 1

 

2008

2009

2010

2011

2012

2013

2014

 

N1

N2

N1

N2

N1

N2

N1

N2

N1

N2

N1

N2

N1

Karti tal‑Flus Foloz

642

903

798

520

760

1,663

484

1,059

951

713

877

874

507

1,545

1,318

2,423

1,543

1,664

1,751

 

Meta mqabbel mal‑għadd ta' karti tal‑euro ġenwini fiċ‑ċirkolazzjoni f'Malta (medja ta' ftit aktar minn 14.31 miljun fl‑ewwel sitt xhur tal‑2014), il‑proporzjon ta' karti tal‑euro foloz għadu baxx ħafna. Hu baxx ħafna wkoll (0.15%) bħala proporzjon tal‑ammont totali tal‑karti tal‑flus foloz maqbuda fiż‑żona tal‑euro kollha kemm hi matul l‑istess perjodu. Skont l‑istqarrija għall‑istampa tal‑Ġimgħa 18 ta' Lulju maħruġa milll‑Bank Ċentrali Ewropew, dawn ammontaw għal 331,000 karta tal‑flus.

Rigward il‑karti tal‑flus tal‑euro foloz maqbuda f'Malta matul l‑ewwel nofs tas‑sena, il‑karti tal‑€20, tal‑€50 u tal‑€100 għadhom l‑iktar karti tal‑flus iffalsifikati. Dawn jammontaw għal 96% tat‑total tal‑flus foloz. Matul dan il‑perjodu, naqas il‑proporzjon tal‑€50 u tal‑€100 mit‑total tal‑flus foloz, filwaqt li dak tal‑€20 żdied minn 51% fis‑sitt xhur ta' qabel għal 60% fil‑perjodu Jannar sa Ġunju 2014.

Din ix‑xejra tidher fit‑Tabella 2 li tipprovdi analiżi perċentwali maqsuma skont id‑denominazzjonijiet tal‑ammont totali ta' flus foloz irtirati miċ‑ċirkolazzjoni fl‑ewwel nofs tal‑2014, imqabbla ma' dawk irtirati fiż‑żona tal‑euro kollha kemm hi.

Tabella 2

 

 

 

€5

€10

€20

€50

€100

€200

€500

Analiżi Perċentwali

Żona tal‑Euro

1.2

4.6

46.5

34.7

10.9

1.3

0.8

Malta

0.6

2.4

60.0

11.8

23.7

1.5

0.0

Minkejja dawn il‑ftit każijiet ta' flus foloz irrapportati lokalment, il‑Bank Ċentrali ta' Malta jibqa' jwissi lill‑pubbliku biex jibqa' attent meta jagħmel tranżazzjonijiet bi flus kontanti. Il‑karti tal‑flus ġenwini jintgħarfu faċilment permezz tat‑test "feel‑look‑tilt", kif spjegat fuq is‑sit elettroniku tal‑Bank Ċentrali ta' Malta. Il‑Bank hu disponibbli biex jipprovdi kull tip ta' għajnuna, inkluż taħriġ lil kwalunkwe entità lokali li tista' teħtieġ din l‑assistenza.

Kull min jirċievi jew jissuspetta li għandu f'idejh karta tal‑flus falza għandu jċempel lill‑Pulizija fuq 2122 4001 jew lill‑Bank Ċentrali ta' Malta fuq 2550 6012/13, jew jibgħat email lill‑Bank.

Lura lejn l-Arkivju