News

News - Stqarrijiet għall-Istampa 2014

11/07/2014

Ħruġ ta’ Munita Kommemorattiva taż-€2 - 200 Sena mit-Twaqqif tal-Korp tal-Pulizija ta’ Malta

L‑Erbgħa 16 ta' Lulju 2014, il‑Bank Ċentrali ta' Malta se joħroġ munita kommemorattiva taż‑€2 biex ifakkar il‑200 anniversarju mit‑twaqqif tal‑Korp tal‑Pulizija ta' Malta. Bħala tifkira ta' din l‑okkażjoni, il‑Gvernatur tal‑Bank Ċentrali ta' Malta, il-Professur Josef Bonnici, ippreżenta l‑munita kommemorattiva lill‑Aġent Kummissarju tal‑Pulizija, is-sur Raymond Zammit. Bħala parti miċ‑ċelebrazzjonijiet tal‑200 anniversarju, għażla ta' memorabilia mill‑Mużew tal‑Pulizija ta' Malta tinsab għall‑wiri fil‑bini prinċipali tal‑Bank Ċentrali ta' Malta. Il‑wirja hi miftuħa għall‑pubbliku matul il‑ħinijiet tal‑uffiċċju tal‑Bank u se tibqa' miftuħa sal‑aħħar ta' Lulju 2014.

Il‑Korp tal‑Pulizija ta' Malta hu wieħed mill‑eqdem korpi tal‑pulizija fl‑Ewropa li ġie mwaqqaf fil‑bidu tal‑perjodu kolonjali Brittaniku fl‑1814 mill‑ewwel Gvernatur ta' Malta, Sir Thomas Maitland. Permezz ta' proklamazzjoni maħruġa f'Lulju ta' dik is‑sena, hu stabbilixxa s‑sisien għat‑twaqqif tal‑Korp billi ordna li s-setgħat kollha eżerċitati dak iż‑żmien fuq l‑amministrazzjoni tal‑pulizija f'Malta kellhom jiġu ttrasferiti lill‑awtoritajiet ġodda taħt proċeduri stabbiliti. Għalhekk, mit‑12 ta' Lulju 1814 'il quddiem, it‑tmexxija u l‑kontroll sħiħ tal‑pulizija waqgħu taħt ir‑responsabbiltà tal‑Ispettur Ġenerali tal‑pulizija li kien jirċievi l‑ordnijiet tiegħu direttament mill‑Gvernatur ta' Malta. Wara li Malta ngħatat l-Indipendenza fl‑1964, il‑Gvern ta' Malta ħa r‑responsabbiltajiet kollha għall‑Korp tal‑Pulizija ta' Malta.

Fuq il‑faċċata ta' wara, il‑munita kommemorattiva turi s‑simbolu komuni taż‑€2, filwaqt li l‑faċċata ta' quddiem turi l‑emblema tal‑Korp tal‑Pulizija ta' Malta. Il‑faċċata ta' quddiem tal‑munita kienet iddisinjata u mnaqqxa minn Noel Galea Bason, u maħduma fir‑Royal Dutch Mint. Il‑munita ser tinħareġ f'verżjoni għaċ‑ċirkolazzjoni fi stoċċijiet ta' 25 munita kull wieħed.

Il‑Bank ser jikkuntattja 'l dawk kollha li diġà għamlu l‑ordni tagħhom biex jinfurmahom bl‑allokazzjoni tagħhom, kif ser iħallsu u l‑ġranet meta jkunu jistgħu jiġbru l‑muniti tagħhom mill‑Malta Coins Distribution Centre fil‑bini prinċipali tal‑Bank Ċentrali ta' Malta. Għal aktar tagħrif, il‑pubbliku hu ġentilment mitlub jikkuntattja lill‑Malta Coins Distribution Centre billi jibgħat email jew iċempel fuq (+356) 2550 6006/6007.

Munita Kommemorattiva taż-€2 - 200 Sena mit Twaqqif tal Korp tal Pulizija ta’ Malta          

Ħruġ ta’ Munita Kommemorattiva taż-€2 - 200 Sena mit Twaqqif tal Korp tal Pulizija ta’ Malta

Lura lejn l-Arkivju