News

News - Stqarrijiet għall-Istampa 2014

27/06/2014

Ħruġ ta' muniti numiżmatiċi - Auberge d'Aragon

Fit‑30 ta' Ġunju 2014, il‑Bank Ċentrali ta' Malta ser joħroġ żewġ muniti numiżmatiċi, waħda tad‑deheb u oħra tal‑fidda, li juru l‑Auberge d'Aragon. Din ser tkun ir‑raba' waħda mis‑serje ta' muniti numiżmatiċi maħruġa mill‑Bank Ċentrali ta' Malta bit-tema tal‑Bereġ tal‑Kavallieri tal-Ordni ta' San Ġwann.

L‑Auberge d'Aragon inbniet fis‑snin sebgħin tas‑seklu sittax skont pjanta ddisinjata mill‑arkitett Malti Gerolamo Cassar. Hija l‑unika waħda mill‑Bereġ li għadha kif kienet oriġinarjament mibnija fis‑seklu sittax. Wara t‑tluq tal‑Kavallieri u l‑wasla tal‑Ingliżi f'Malta fil‑bidu tas‑seklu dsatax, l‑Auberge d'Aragon intużat għal skopijiet ta' amministrazzjoni militari. Madwar in-nofs tal‑istess seklu, portiku ta' stil Doriku ġie miżjud mal‑bini tal‑Berġa sabiex isebbaħ il‑faċċata sempliċi tagħha. Mat‑tluq tal‑Ingliżi wara l‑Indipendenza ta' Malta fl‑1964, il‑bini serva bħala l‑uffiċċju tal‑Prim Ministru sal‑1972. Minn dakinhar 'l hawn, il‑Berġa bdiet tintuża minn diversi ministeri tal‑gvern.

Il‑munita tad‑deheb għandha valur nominali ta' €15, filwaqt li l‑munita tal‑fidda għandha valur nominali ta' €10. Fuq quddiem tal‑muniti tidher l‑emblema ta' Malta flimkien mas‑sena tal‑ħruġ, filwaqt li fuq wara tal‑muniti tidher il‑faċċata tal‑Auberge d'Aragon.

Il‑munita ta' €15, li l‑istampar tagħha hu limitat għal 1,000 munita, hi maħduma f'0.999 deheb, tiżen 1.25 grammi u għandha dijametru ta' 14‑il millimetru. Il‑munita tal‑€10 hi maħduma f'0.925 fidda, tiżen 18.75 grammi u għandha dijametru ta' 33 millimetru. Din il‑munita għandha l‑istampar tagħha limitat għal 2,500 munita. Iż‑żewġ muniti ser joħorġu fil‑verżjoni proof u kienu maħduma fir-Royal Belgian Mint. Dawn il‑muniti ġew iddisinjati u mnaqqxa mill‑artist Malti Noel Galea Bason.

Il‑muniti jistgħu jinxtraw mill‑Malta Coins Distribution Centre fil‑bini prinċipali tal‑Bank Ċentrali ta' Malta, jew billi timtela formola li tinstab fuq is‑sit elettroniku tal‑Bank.

Għal iżjed informazzjoni, il‑pubbliku hu ġentilment mitlub jikkuntattja lill‑Malta Coins Distribution Centre billi jibgħat email jew iċempel fuq +356 2550 6006/7/8.   

Auberge d'Aragon - munita tal-fidda             Auberge d'Aragon - munita tad-deheb

Lura lejn l-Arkivju