Fl-2014, il‑Bank Ċentrali ta' Malta ħareġ żewġ muniti numiżmatiċi, waħda tad‑deheb u oħra tal‑fidda, li juru l‑Auberge d'Aragon.
Fuq quddiem tal‑muniti tidher l‑emblema ta' Malta flimkien mas‑sena tal‑ħruġ, 2014. Fuq wara tal‑muniti tidher il‑faċċata tal‑Auberge d'Aragon.
L‑Auberge d'Aragon inbniet fis‑snin sebgħin tas‑seklu sittax skont pjanta ddisinjata mill‑arkitett Malti Gerolamo Cassar. Hija l‑unika waħda mill‑Bereġ li għadha kif kienet oriġinarjament mibnija fis‑seklu sittax. Wara t‑tluq tal‑Kavallieri u l‑wasla tal‑Ingliżi f'Malta fil‑bidu tas‑seklu dsatax, l‑Auberge d'Aragon intużat għal skopijiet ta' amministrazzjoni militari. Madwar in-nofs tal‑istess seklu, portiku ta' stil Doriku ġie miżjud mal‑bini tal‑Berġa sabiex isebbaħ il‑faċċata sempliċi tagħha. Mat‑tluq tal‑Ingliżi wara l‑Indipendenza ta' Malta fl‑1964, il‑bini serva bħala l‑uffiċċju tal‑Prim Ministru sal‑1972. Minn dakinhar 'l hawn, il‑Berġa bdiet tintuża minn diversi ministeri tal‑gvern.
|