News

News - Stqarrijiet għall-Istampa 2014

20/06/2014

Kollezzjoni ta’ muniti tal-Ordni Sovran ta’ Malta (SMOM)

Fl‑1998, il‑Gran Mastru Fra Andrew Bertie (1929-2008) ġenerożament kien ta kollezzjoni ta' muniti tal‑Ordni Sovran Militari u Ospitallier ta' San Ġwann ta' Ġerusalemm, ta' Rodi u ta' Malta, magħruf ukoll bħala l-Ordni Sovran ta' Malta (SMOM), bħala donazzjoni lill‑Bank Ċentrali ta' Malta. Id‑donazzjoni inkludiet muniti maħruġa mill‑SMOM bejn l‑1960 u l‑1999.

Bħala rikonoxximent tar‑rabtiet storiċi mill‑qrib bejn l-Ordni Sovran ta' Malta u r‑Repubblika ta' Malta, l‑Eċċellenza Tiegħu l‑Gran Kanċillier, il‑Baruni Albrecht Boeselager, aċċetta talba mill‑Bank għad‑donazzjoni ta' muniti maħruġa mill‑Ordni mis‑sena 2000 'il quddiem.

Id‑donazzjoni saret il‑Ġimgħa 20 ta' Ġunju 2014 mill‑E.T. Umberto Di Capua, Ambaxxatur tal‑Ordni Sovran ta' Malta għar‑Repubblika ta' Malta, lill‑Professur Josef Bonnici, Gvernatur tal‑Bank Ċentrali ta' Malta.

Il‑kollezzjoni ta' muniti tal‑SMOM se tkun għall‑wiri fuq bażi permanenti fil‑Mużew tal‑Flus tal‑Bank.

Il‑Mużew tal‑Flus hu miftuħ bla ħlas għall‑pubbliku matul il‑ħinijiet normali tal‑uffiċini.

Donazzjoni ta' muniti

Lura lejn l-Arkivju